Indjan ta’ 40 sena residenti l-Ħamrun tilef ħajtu traġikament wara li dalgħodu nqabad fil-kabina tal-vann wara ħabta frontali f’Ħaż-Żebbuġ,
L-aċċident seħħ għal ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, fi Triq l-Imdina, fejn seħħet ħabta bejn trakk tal-għamla DAF u vann ieħor iżgħar li kien qiegħed iġorr xi skart. It-trakk kien misjuq minn raġel ta’ 61 sena minn Ħal Tarxien, waqt li l-vann Isuzu ELF kien misjuq mill-Indjan.
Fuq il-post marru membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, tim mediku u uffiċjali ta’ Transport Malta biex jassistu.
Minn hemm bdiet operazzjoni mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex jkun jista’ jinħareġ ir-raġel li kien maqbud fil-kabina tal-vann. Operazzjoni delikata ħafna minħabba li r-raġel kien maqbud fit-tifrik, fejn kien evidenti li partijiet sew ta’ ġismu sofrew danni kbar.
Ir-raġel inħareġ mill-kabina tal-vann u immedjatament beda jingħata l-ewwel għajnuna, inkluż is-CPR, minn tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Ir-raġel ittieħed l-Isptar, iżda sfortunament ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
L-Ispettur Wayne Bonello qed imexxi l-istħarriġ tal-Pulizija, waqt li Dr Mario Buttigieg tqabbad bħala espert tat-traffiku, bħala parti mill-inkejsta li twaqqfet mill-Maġistrat Joe Mifsud.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.