Anzjana ta’ 81 sena mill-Mosta qed issofri minn ġrieħi gravi wara li ntlaqtet minn karozza fi Triq Dawret il-Wied, il-Mosta.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-15:15 illum, meta l-mara intlaqtet minn karozza tat-tip Toyota Belta, misjuqa minn raġel ta’ 63 sena mill-Mosta wkoll.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-anzjana l-isptar minnufih għall-kura. Aktar tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.