Kull ġimgħa, fis-sajf, minn tal-inqas tifel jew tifla jiddaħħlu l-isptar għax ikunu qed jegħrqu.
Jiem wara l-inċident li xxokkja pajjiż meta tifla ta’ sitt xhur tilfet ħajjitha wara li għerqet f’banju, dan l-istazzjon tkellem mal-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, it-tabib Michael Spiteri, li spjega kif l-inċidenza ta’ dawn il-każijiet tiżdied sew fis-sajf.
Qal, “Fortunatament, il-maġġoranza kbira ta’ dawn il-każijiet jgħaddu b’wiċċ il-ġid, il-persuna tiġi salvata u tirkupra. Sfortunatament, ikollok nies li jista’ jkollhom inċidenti li jwasslu saħansitra għall-mewt.”
F’każijiet bħal dawn, kull sekonda tgħodd, u tintbagħat l-iżjed għajnuna li tkun fil-viċin.
Fil-fatt, minbarra d-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, jiġu mgħarrfa wkoll bis-sejħa għall-għajnuna dipartimenti bħall-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta u s-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar.
L-uffiċjal mediku tas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar Kieron Galton qal li f’inċidenti bħal dawn, minuta tfisser għaxra fil-mija inqas ċans li persuna ssalva.
Spjega, “For every minute, there’s a 10% less chance of survival. We work very closely with Mater Dei and other organisations so that we can collaborate and give the best care possible.”
Kemm l-uffiċjal mediku tas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar, kif ukoll it-tabib tal-emerġenza, appellaw għall-attenzjoni speċjalment fi żmien meta ħafna jkunu l-baħar bit-tfal.
Minkejja dan, it-tabib innota li dawn l-inċidenti jseħħu f’tebqa t’għajn u l-inqas ħaġa li jkollhom bżonn il-qraba tal-vittmi hija l-ġudizzju tan-nies.
Qal, “Dawn l-inċidenti jseħħu fi ftit sekondi. Mhix kwistjoni ta’ traskuraġni imma hija kwistjoni ta’, għal ftit sekondi, it-tarbija jew l-adult ma jħossuhomx tajjeb jew jinqala’ inċident u għaldaqstant huwa importanti ħafna li ma niġġudikawx.”
Inċidenti bħal dawn iħallu ferita li ma tagħlaq qatt fost il-qraba tal-vittmi.
Qal, “Il-qraba u n-nies li jgħaddu minn dawn l-episodji trawmatiċi, ikollhom guilt feelings enormi. Għalkemm il-maġġoranza assoluta dawn ovvjament ma jkollhom l-ebda tort, imma l-guilt feelings ikunu enormi u kull darba li qed inpoġġu kumment fuq il-midja soċjali, inkunu qed insammru musmar ieħor f’dik il-ferita li qatt mhi se tagħlaq.”
L-appell hu biex qabel ma jsir kumment, dak li jkun ipoġġi saqajh fiż-żarbun tal-ġenitur u jifhem xi jħoss hu kieku l-ġudizzju jsir fil-konfront tiegħu.