Il-Parlament beda jiddiskuti bidla fil-liġi biex persuna b’għomor il-ħabs tkun tista’ tibda tapplika għall-parole. Dan wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali sabet li l-liġi kif inhi llum, fejn bniedem għomru l-ħabs m’għandux dan id-dritt, hija kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Kien it-Tuneżin Beli Ali Wahid Ben Hassine li fetaħ dan il-każ u rebħu.
It-Tuneżin Ben Hassine kien ikkundannat għal għomor il-ħabs fl-1992, wara li ġie ddikjarat ħati tal-qtil ta’ erba’ persuni lura fl-1988. F’Ottubru tal-2014, it-Tuneżin beda l-każ il-Qorti u għalkemm fl-ewwel istanza ma ngħatax raġun ingħata raġun fl-appell. Dan wassal biex il-leġiżlatur ried bilfors ibiddel il-liġi.
Fil-Parlament il-Ministru Carmelo Abela nnota kif fid-dawl ta’ din is-sentenza ttieħdu miżuri biex tinbidel il-liġi.
Dawn il-persuni se jkunu jistgħu japplikaw għal parole wara li jkunu servew mill-anqas tletin sena mis-sentenza tagħhom. F’każ li din tapplika u tingħata il-parole jkun hemm il-kundizzjonijiet u jekk tinkiser xi waħda minn dawk il-kundizzjonijiet wieħed jerġa’ jintbagħat il-ħabs u jrid jiskonta l-bqija tas-sentenza kollha.
Jekk it-talba għal parole ma tintlaqax mill-Awtoritajiet, dik il-persuna tkun intitolata li tissottometti t-tieni applikazzjoni wara ħames snin.