Fl-awtobiografija ġdida tiegħu, Confessions of a European Maltese- The Middle Years, l-Eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Alfred Sant jitfa’ aktar dawl fuq l-avvenimenti li seħħew f’pajjiżna u l-madwar bejn l-elf disa’ mija ħamsa u sebgħin u l-elf, disa’ mija tnejn u disgħin. Sbatax-il sena ta’ kunflitti u tranżizzjonijiet f’Malta u madwar id-dinja.
Għalkemm il-ktieb jeħodna l-ewwel f’Boston, meta l-Amerka kienet għadha taħt l-iskandlu Watergate, dlonk iġibna lura f’pajjiżna fis-snin sebgħin, meta l-Gvern Laburista ta’ Dom Mintoff ħadem biex jelimina d-dipendenza tal-Gżejjer Maltin fuq il-bażi militari Ingliża. Il-ktieb isemmi wkoll id-delitt ta’ Karin Grech fl-1977 b’bomba li ntbagħtet lil missierha, u dak ta’ Raymond Caruana fl-1986 fil-Każin Nazzjonalista tal-Gudja.
Dr Sant jitkellem ukoll kif dan kienu snin ta’ bidlet kbar fl-ekonomija, fl-edukazzjoni u anke fil-politika. Hawn jagħti wkoll kummenti dwar is-sistema tat-tmexxija tal-Gvern ta’ Mintoff, li ddiversifikat l-ekonomija u ġab industriji ġodda lejn Malta. Tissemma wkoll il-politika ta’ Fenech Adami favur li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea lejn tmiem it-tmeninijiet.
L-eks Prim Ministru jitfa’ dawl ġdid ukoll fuq dak li seħħ fil-Partit Laburista sakemm Karmenu Mifsud Bonnici sar Prim Ministru fl-1984, u jitkellem kif sar qbil biex il-partit li jirbaġ il-maġġoranza tal-voti jmexxi l-pajjiż.
Dan kollu qed jingħadu mil-lenti ta’ konsulent maniġerjali, akkademiku, ġurnalist, diplomatiku, militant fil-Partit Laburista, President tal-istess Partit, drammaturgu u kittieb, u eventwalment Membru Parlamentari.
“Confessions of a European Maltese – The Middle Years” qed jinbiegħ mill-ħwienet kollha tal-kotba, jew mis-sit ta’ SKS Publishers.