Hekk kif il-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija qiegħed jaħdem taħt liġi ġdida dan qiegħed igawdi minn aktar awtonomija, riżorsi u responsabbiltajiet bil-għan li jkompli jipprovdi l-ħiliet neċssarji għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżna kemm fil-preżent u saħansitra fil-ġejjieni.
B’din il-liġi l-MCAST huwa l-ewwel istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla f’Malta li għandu leġiżlazzjoni indipendenti mill-Att dwar l-Edukazzjoni.
Dan apparti li bil-liġi, ssaħħet ukoll il-bord tat-tmexxija billi nkludiet fih l-istudenti u l-membri tal-istaff, wessgħet il-mandat tagħha biex tinkludi r-rwol li għandha l-industrija u d-dmir lejn il-komunità.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie nnutat is-suċċess tal-MCAST b’mod partikolari ta’ aktar minn erbgħin elf student li attendew f’dan il-kulleġġ fi tlieta u għoxrin sena.
Intant, dan mistenni li jkompli jissaħħaħ hekk kif il-pjan strateġiku tal-MCAST mill-2022 sal-2027 stabilixxa mira ewlenija; dik li l-kulleġġ isir tal-komunità. Dan fid-dawl li l-istudenti taw aktar minn ħamsa u ħamsin elf siegħa ta’ xogħol volontarju permezz tal-porgramm Community Social Responsibility.
Il-Kap Eżekuttiv u Prinċipal tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja stqarr, “Din il-leġiżlazzjoni ġdida tibgħat messaġġ importanti li hemm post għal kulħadd fl-MCAST. Dan issa se jkun rifless f’rappreżentanza wiesgħa fil-livelli kollha ta’ governanza. Il-bidu pożittiv għal din is-sena akkademika jawgura tajjeb, fejn kellna żieda fl-applikazzjonijiet f’kull istitut. Se nkomplu bl-impenn tagħna lejn l-istudenti biex nipprovdulhom l-aħjar ambjent u opportunitajiet biex jikbru, jitgħallmu u jaħdmu”.
Il-Ministru politikament responsabbli mill-edukazzjoni, Clifton Grima waqt it-tnedija qal, “Il-liġi l-ġdida tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija mhux biss hija pass ieħor biex jissaħħu lMCAST u l-opportunitajiet ta’ tagħlim għal kulħadd, imma hija wkoll pass ieħor għal edukazzjoni ta’ kwalità f’din l-istituzzjoni edukattiva”.