Ġie ffirmat ftehim ta’ koperazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali sabiex it-tfal ikunu aktar attivi fi ħdan il-lokalitajiet li jkunu ġejjin minnhom.
Dan il-ftehim se jwassal biex it-tfal ikunu aktar integrati fil-komunitajiet tagħhom billi jkunu mismugħa u involuti b’mod attiv fil-ħajja tal-lokalità rispettiva tagħhom.
Il-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn l-entitajiet ikkonċernati ġie ffirmat mill-Kummissarju għat-Tfal, Antoinette Vassallo, u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Joyce Dimech.
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar din il-ħidma ġie spjegat li din l-inizjattiva kienet xprunata mill-idea li t-tfal għandhom x’joffru lil-lokalitajiet tagħna.
Il-Kummissarju għat-Tfal, Antoinette Vassallo, stqarret kif it-tfal huma parti mis-soċjetà u allura għandhom id-dritt li jkunu mismugħa iżda wkoll id-dmir li jikkontribwixxu b’risq il-komunità.
“It-tfal jagħmlu parti mill-lokalità u importanti li ndaħħluhom fid-deċiżjonijiet, jekk aħna fil-Kunsilli Lokali qegħdin norganizzaw jew qed nagħmlu xi attività jew se joħolqu xi spazju miftuħa illi huma jridu jagħmluha aktar sabiħa. Għaliex m’għandhomx idaħħlu l-parteċipazzjoni tat-tfal u jagħtu l-ideat taghħom?”
Min-naħa tagħa, is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech qalet li b’dan il-ftehim il-kunsilli se jkunu jistgħu jinkorporaw l-ideat tat-tfal bħala parti mill-politika li tkun qed tiġi żviluppata.
“Huwa importanti ferm li l-Kunsilli jaraw il-lokalità tagħhom mil-lenti ta’ kull strata li għandhom fis-soċjetà u fil-komunità tagħhom. Għalhekk, huwa importanti li dak li jaħsbu t-tfal dwar il-lokalità u l-irwol tagħhom fil-lokalità, huwa importanti li jiġi mismugħ u inkorporat fil-politika li tiġi żviluppata għal dik il-lokalità.”
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.