Ġie iffirmat ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-komunità u l-Mużew tal-Ħaġar f’Għawdex li permezz tiegħu se jiġi organizzat programm edukattiv tal-Università tat-Tielet età (U3A) għall-anzjani. Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ppreseda l-iffirmar ta’ dan il-ftehim.
Il-Ministru Abela spjega kif l-Università tat-Tielet Età toffri xejn inqas minn 50 kors fis-sena għal iżjed minn 700 membru li l-età tagħhom tvarja minn 60 sena sa ‘l fuq minn 85 sena. Qal kif bħalissa hawn diversi ċentri madwar Malta u Għawdex li qed joffru dawn il-korsijiet.
Huwa spjega kif dan il-programm edukattiv ġewwa “Il-Ħaġar, Heart of Gozo Museum” huwa maqsum fuq suġġetti varji. Fosthom ser jiddiskutu iktar fid-dettall l-arti; il-gżira Għawdxija; l-iżvilupp soċjo-ekonomiku; fost diversi suġġetti oħra.
“Sessjonijiet bħal dawn ikomplu jgħinu bosta anzjani jkabbru l-għarfien tagħhom kif ukoll jgħinhom iżommu l-moħħ attiv u jżommu kuntatt fil-komunità. Din tkompli mal-viżjoni tal-gvern li naraw l-anzjani tagħna fil-qalba tal-komunitajiet,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Għal iktar informazzjoni dwar il-programm tal-U3A wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku https://www.um.edu.mt/services/u3a/ jew jagħmel kuntatt permezz ta’ email simone.ellul@um.edu.mt jew jċempel fuq 23403952.