Ġiet imnedija inizjattiva ġdida, li permezz tagħha se jiġi ssimplifikat il-proċess sabiex jinkisbu l-permessi kollha li għandhom x’jaqsmu mal-festi.
F’dan l-istadju, il-proċess se jkun limitat għall-kisba tal-permessi f’dak kollu marbut mal-festi, għajr l-aspett pirotekniku.
Din l-inizjattiva tnediet mill-Ministri għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Il-Ministru Bonnici spjega li din l-inizjattiva twieldet waqt laqgħa pubblika li saret lejn tmiem is-sena li għaddiet.
“Qed naraw ukoll li din nestenduha imma għas-sena d-dieħla, fejn jidħlu l-permessi abbinati mal-piroteknika, biex b’hekk nkomplu nkabbru dawn is-servizzi li qed inniedu, illum aħna kommessi li nkomplu ngħinu l-qasam tal-festi Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru Owen Bonnici
Il-Ministru Camilleri sostna li l-festi fl-ibliet u rħula huma waħda mill-isbaħ affarijiet li jagħmluna Maltin.
“Permezz ta’ dan il-one-stop-shop li se nwaqqfu, dawn il-permessi marbuta mal-festi u anke ma’ attivitajiet oħra li jsiru fil-lokalitajiet tagħna, jistgħu jsiru online b’mod mill-iktar effiċjenti.” QTAJNA BIĊĊA MILL-SOT
Il-Ministru Byron Camilleri
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli laqgħet b’sodisfazzjoni is-sehem li se jagħtu l-Kunsilli Lokali f’din is-sistema.
“U dan seta’ jkun possibbli grazzi wkoll għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali li ħadmet id f’id mal-entitajiet konċernati, sabiex il-voluntiera li tant għandom għal qalbhom il-festi Maltin ikunu jistgħu jagħmlu dan bil-faċilità li jibqghu fid-dar tagħhom jew minn fuq ix-xogħol.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli
Fost il-partijiet interessati li fformaw parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni kien hemm il-Korp tal-Pulizija, rappreżentanti tal-Gvern Lokali u esperti fil-loġistika tal-festi.
Ittejbet il-pjattaforma www.localpermits.gov.mt/ bil-għan li l-ogranizatturi tal-festi jistgħu japplikaw għall-permessi neċessarji u jtellgħu d-dokumenti meħtieġa minn pjattaforma waħda.
Ladarba jiġu sottomessi, l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati b’mod effiċjenti biex jingħataw l-approvazzjonijiet meħtieġa fil-ħin.
Aċċess għall-pjattaforma huwa miftuħ għar-rappreżentanti legali tal-entitajiet volontarji kkonċernati. Dawn jistgħu jidħlu fis-sistema permezz tal-kredenzjali tal-e-ID tagħhom.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ żur www.servizz.gov jew iċempel fuq freephone 153.