Professjonisti minn pajjiżi terzi li jridu jaħdmu b’mod virtwali minn Malta għal perjodu temporanju issa jistgħu japplikaw għal permess ta’ residenza ġdid imsejjaħ Nomad Residence Permit.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif spjega li dan it-tip ta’ xogħol virtwali issa jiġi f’konformità mal-qafas legali attwali.
Waqt l-istess konferenza, il-Kap Eżekuttiv ta’ Residenza Malta Charles Mizzi spjega kif applikanti li jridu jaħdmu b’mod virtwali minn Malta għal perjodu temporanju li jista’ jkun twil sa sena, għandhom juru li jistgħu jaħdmu b’mod virtwali, irrispettivament mill-post li jinsabu fih.
Dawn il-professjonisti jridu jkunu jaħdmu ma’ kumpaniji li huma rreġistrati barra mill-pajjiż, iwettqu attività kummerċjali għal kumpaniji reġistrati barra mill-pajjiż, jew joffru servizzi ta’ konsulenza u freelance lil klijenti li l-istabbilimenti permanenti tagħhom huma f’pajjiż barrani.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Residenza Malta, Charles Mizzi spjega: “Dawn ikunu jistgħu eventwalment jiġu jqattgħu perjodu jaħdmu hawnhekk sa massimu ta’ sena u li jista’ jiġġedded fejn ikunu jistgħu jiġu hawnhekk waħedhom forsi bil-familja tagħhom, jgħixu hawnhekk jaħdmu hawnhekk u eventwalment jiġġeneraw iktar dħul fl-ekonomija.”
Min-naħa tiegħu l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta Anton Sevasta spjega kif is-servizz il-ġdid tal-viża għall-applikanti nomadi huwa parti mis-Servizz il-ġdid tal-Visa Premium li l-Aġenzija Identity Malta se tkun qed tniedi fil-ġimgħat li ġejjin.
Is-servizz huwa maħsub għal professjonisti b’ħiliet għolja u għandu l-għan li jissimplifika l-proċess mingħajr ma jikkomprometti l-eżerċizzji ta’ due diligence
Intant is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna kif din l-inizjattiva se tkun qed tippromwovi lil Malta bħala pajjiż ideali minn fejn jista’ jsir xogħol virtwali.
Huwa qal, “L-intenzjoni hija li nattiraw dawn it-tip ta’ persuni li jiġu jgħixu f’pajjiżna. Se jkunu qed jaħdmu għal kumpaniji mhux Maltin imma sintendi se jkunu qed iħallu ġid kbir għal pajjiżna. Hija opportunità taad-deheb għan-negozji Maltin u għall-istabbilimenti Maltin li qed jaraw lok ġdid ta’ opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u fl-istess ħin qed naraw din in-niċċa ekonomika ġdida li tista’ tħalli ġid u ħafna flus f’pajjiżna.”