L-Aġenzija Identity Malta bdiet toħroġ gradwalment il-permess ta’ residenza ġdid għal ċittadini minn pajjiżi terzi.
Permess li lil’hinn mill-bidliet estetiċi, se jissarraf f’aktar sigurtà, u jagħmilha diffiċli biex jiġi ffalsifikat.
Fil-fatt il-karta l-ġdida tinkludi bosta karatteristiċi ta’ sigurtà, fosthom billi l-informazzjoni personali se tkun laser engraved fuq kard apposta fi proċess li jagħmilha diffiċli mmens biex tkun imbagħbsa mingħajr ma tħalli traċċi ċari.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta spjega li l-permess ta’ residenza l-ġdid se jinħareġ għal applikazzjonijiet ġodda u applikazzjonijiet ta’ tiġdid.
Il-permessi li hawn fl-idejn bħalissa se jibqgħu validi sad-data tal-iskadenza tagħhom indikata fuq il-karta stess.
“Bħala parti mill-ħidma ta’ Identity Malta kontra l-iffalsifikar ta’ dokumenti tal-identità, wara li f’isem Malta ħadna l-premju tal-aqwa passaport reġjonali għal din is-sena, issa wasalna wkoll biex inniedu d-dokument ta’ residenza l-ġdid f’forma t’uniformi li se jkun l-istess wieħed madwar l-Ewropa kollha,” qal is-Sur Sevasta.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat faħħar l-isforzi ta’ Identity Malta li qed taħdem bla heda biex tipproteġi l-identità ta’ dawk kollha li jagħżlu lil Malta bħala l-post ewlieni ta’ residenza u xogħol tagħhom.
“Il-cards kollha ta’ residenza qed jingħataw livell ta’ protezzjoni iktar ġdid. Qed nużaw teknoloġija li għandna available f’pajjiżna sabiex id-dokumenti kollha ta’ residenza f’pajjiżna jkunu ferm iktar siguri milli kienu sa issa,” qal Muscat.
L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea jridu jkunu konformi mal-karta l-ġdida sa Lulju ta’ din is-sena.
Il-karti l-ġodda se jinħarġu wkoll lil ċittadini tar-Renju Unit, kemm lil dawk li bħalissa qed jgħixu f’Malta kif ukoll wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni.