Sharp Shoot Media, kumpanija b’20 sena esperjenza fit-televiżjoni lokali, bħalissa għaddejja bl-aħħar tħejjijiet tagħha biex, dalwaqt, tniedi l-aħħar ħolqien tagħha, Perlina TV, li hi app ġdida bi programmi divertenti u esklussivi bil-Malti għall-istess pjattaforma diġitali.
L-app diġitali se toffri lit-tfal Maltin u Għawdxin post sigur fejn jistgħu jieħdu gost isegwu, waqt li jitgħallmu.
Il-materjal awdjoviżiv se jkun addattat għal tfal li għandhom sa seba’ snin, bil-pjattaforma li se tkun simili għal pjattaformi diġitali diġà popolari fuq it-televiżjoni.
Kontenut ġdid, li se jkun qed jiżdied minn xahar għall-ieħor, jinkludi produzzjonijiet bil-pupazzi, sensiliet animati oriġinali, flimkien ma’ diversi karattri li se jkunu qed iduru madwar Malta u Għawdex biex ilaqqgħu lit-tfal mal-istorja u l-kultura nazzjonali.
Waqt li kienu qed jinġibdu xeni minn wieħed mill-programmi msejjaħ ‘Frattarija’, iltqajna mall-protagonisti li qed jaħdmu biex jkun jista’ jittella’ b’suċċess dan il-proġett.
Nicolas Grima, mill-istudjow Rapture, tkellem magħna dwar il-kunċett modern li qed jużaw billi jużaw it-teknoloġija moderna bl-aħjar mod, b’viżwal mdawwar ma’ sett fiżiku, li anke juża it-teknoloġija tat-3D.
“Din hi 3D fejn qegħda f’ġemellaġġ ma’ kameras ta’ vera u kamera virtwali. Kif qed naraw, it-television il-kbir ta’ warajna, biex niftehmu, qed jipproġetta dinja virtwali li tiċċaqlaq mad-dinja reali.”
Id-diriġenti tal-kumpanija, Justin Farrugia u Steven Dalli, qalu li l-app ‘Perlina TV’ se tkun imżewqa b’dawn il-programmi oriġinali fuq kitba ta’ Audrey Brincat Dalli, l-awtriċi rinomata għal diversi sensiliet televiżivi, bis-sehem ta’ artisti Maltin u professjonisti ta’ livell għoli ħafna.
“‘Frattarija’ hi parti minn sensiela, fost ħafna, li se nkunu qed naraw fuq ‘Perlina TV’ u l-għan hu li, waqt li t-tfal ikunu qed jieħdu gost jaraw produzzjonijiet ta’ kwalità, ikunu wkoll qed jitgħallmu il-Malti korrett. Xi ħaġa sabiħa li għandu ‘Frattarija’ hi li se nkunu qed niltaqgħu ma’ diversi valuri, affarijiet ta’ etika, biex it-tfal ikunu mlaqqgħin ma’ dawn l-affarijiet.”
Sharp Shoot Media se tkun qed tuża l-esperjenza u l-kreattività biex kull tifel u tifla jkollhom l-opportunità li jitgħallmu l-Malti permezz ta’ programmi awdjoviżivi, tant li ’l quddiem se jsiru xi proġetti mmirati għal tfal b’abbiltajiet differenti wkoll.
“‘Perlina TV’ ħa tkun pjattaforma diġitali għat-tfal, kontenut kollu bil-Malti, fosthom ‘Frattarija’, li hi puppet show, se jkollna sensiliet animati, ħa jkollna mużika, ħa jkollna ħafna programmi divertenti għat-tfal biex, kif qal Justin, ikunu jistgħu jisimgħu l-Malti u jitgħallmu l-Malti bħalma aħna fiż-żmien tagħna, konna tgħallimna t-Taljan billi nisimgħu t-Taljan.”