Il-pjanijiet u d-disinji għall-proġett ta’ Triq Sant Anna fil-Furjana jinsabu lesti.
Żvela dan ma’ ONE News il-Perit Ian Camilleri Cassar li oriġinarjament ippropona l-proġett u li issa qed ikun mwiegħed mill-Partit Laburista jekk jingħata mandat biex imexxi lill-pajjiżna għall-leġislatura li jmiss.
F’intervista ma’ ONE News, il-Perit Camilleri Cassar spjega kif diġà twaqqaf grupp ta’ esperti sabiex jippjanaw il-proġett.
Qal, “Li nista’ ngħid u żgur huwa li l-proġett ilna naħdmu fuqu u għandna l-pjanti kollha lesti, id-disinn kollu lest jiġifieri dan huwa proġett li qed nieħduh bis-serjetà jiġifieri din mhux xi ħaġa fl-arja.”
Il-Perit Camilleri Cassar spjega wkoll x’ser jinvolvi dan il-proġett li għal diversi snin ġibed attenzjoni kbira.
Qal, “F’dan il-proġett qed nara li Triq Sant Anna litteralment tiġi mnaddfa, l-karozzi jitneħħew, id-dħaħen jitilqu u minflok triq tat-tarmac li hemm llum isir ġnien, imma l-karozzi nitfawhom taħt jiġifieri nikkrejaw mina taħt Triq Sant Anna, fejn inti l-flow tat-traffic ħallejtu kważi l-istess u fuq għandek ġnien u b’hekk tkun qed terġa’ tgħaqqad il-Floriana.”
Spjega wkoll kif l-ebda binjiet ma huma ser jintmissu jew jinbidlu mill-istat oriġinali tagħhom ħlief sabiex jitnaddfu u jingħataw dehra aktar sabiħa.
Qal, “Il-faċċati, il-bini ħa jibqa’ eżatt kif inhu għax kif qed ngħid hija bellezza, taħt l-arkati ħa jibqa’ l-istess, l-istess tip ta’ outlets, ħa jkollok il-kafettiriji, ħa jkollok ir-restaurants, ħa jkollok il-ħwienet. Bażikament ħa nestendu l-kummerċ li hemm il-Belt u ħa ndaħħluh fil-Floriana wkoll.”
Dan mhux l-unika proġett li ppropona l-Partit Laburista fil-proposti tiegħu. Fost oħrajn ġew proposti u murija disinji għal proġetti ta’ spazji ħodor u miftuħa f’Santa Venera, il-Ħamrun u r-Rabat Għawdex.