Kull darba li staqsewni għal kelma waħda biex niddeskrivi lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, iddeskrivejtu bħala perikoluż.
Nista’ ngħid li wara l-elezzjoni ġenerali kkonfermajt dan il-ħsieb iktar minn qatt qabel.
Fl-aħħar erba’ snin li fihom rajtu jmexxi l-Partit Nazzjonalista Busuttil deher bħala bniedem ‘bitter’, xi kultant kattiv u bniedem li jaħseb li għalih japplikaw liġijiet u regoli differenti minn dawk li japplikaw għall-kumplament tas-soċjetà. Dan fl-istess waqt li jattakka lil ħaddieħor li jagħmel hekk.
Peró jekk qatt kien hemm bżonn prova ta’ kemm hu perikoluż huwa l-mod iġib ruħu mal-Qorti. Jattakka mingħajr mistħija meta jkun hemm ġudikant li ma jogħgobx lilu. Li f’kawża dwar siġġijiet parlamentari kien hemm involuta Imħallef li hi eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista ma dejqitux. Anzi feraħ bil-verdett. Li fi stadju ta’ appell wieħed mill-ġudikanti li kienu qed jippresedu għandu parentela mad-deputat li spiċċa ħa s-siġġu parlamentari ma dejqux. Anzi feraħ bil-verdett. Il-Partit Laburista bħal dejjem wera l-ikbar rispett lejn l-istituzzjoni tal-Qorti u ħalliha taħdem f’serenità. Jista’ jkun hawn min jgħid li din hi dgħjufija imma jien ngħid li din hi s-serjetà ta’ partit, bħalissa fil-gvern, li istituzzjoni ma jfittix li jimmina.
Iżda, mhux hekk Simon Busuttil. Għax kawża li għamel hu ġiet quddiem Imħallef li martu hija rappreżentant tal-poplu f’isem il-Partit Laburista ħareġ jattakah qabel biss beda jisma’ l-każ u f’dan kollu sab l-appoġġ tal-avukat u deputat favorit tiegħu Jason Azzopardi. Din hi xi ħaġa li diġa’ kien għamel f’Għawdex f’kawża ta’ libell li ma riedx li tinstema’ quddiem Maġistrat li fl-imgħoddi kkontestat elezzjoni mal-Partit Laburista. Xi ħaġa li tilef f’iktar minn stadju wieħed fil-Qorti.
Iktar minn hekk Busuttil għażel li l-ewwel pass li jagħmel ma jkunx dak naturali fil-Qorti. Iżda, mar fuq ir-radju jgħid li Mizzi ma setax jagħmel ġustizzja. Rari kien hawn politiċi li f’pajjiżna li attakkaw lill-ġudikatura b’dan il-mod. Qatt ma kien hemm politiku li l-poplu kien għadu kif urih il-bieb ta’ barra bl-iktar mod voċiferu li baqa’ jġib ruħu bħal mingħalih li hu l-mibgħut tas-sewwa.
Jekk qatt kien hemm dubju llum ma baqax. Simon Busuttil perikoluż.