Bosta persuni li jkunu d-Dar Ċentrali jinsabu perplessi u miblugħa bil-fatt li ħadd mid-Deputati Nazzjonalisti ma kien lest ikun ta’ spalla għall-Kap Bernard Grech u joħroġ għall-kariga numru 2 fil-Partit Nazzjonalista.
L-istess persuni li huma s-sorsi tagħna fl-istamperija qalulna li ma jistgħux jifhmu kif imbagħad dawk li dejjem jiġbdu l-ispag u jiddettaw lil Bernard Grech kif għandu jmexxi, tawh l-isem ta’ Alex Perici Calascione.
“Sa sena ilu konna qed niftaħru li se ndaħħlu uċuh ġodda u li neħħejna lil Perici Calascione minn President tal-Eżekuttiv u Carm Mifsud Bonnici mit-tmexxija tal-Amministrattiv tal-partit”, saħaq wieħed li jkun kważi ta’ kuljum f’tal-Pietà.
“Saħansitra anki t-Times kienet irrappurtat bi prominenza li Perici Calascione kellu jagħmel il-wiesgħa għal suppost demm ġdid”, żied jgħid l-istess sors filwaqt li fakkarna fl-artiklu tat-Times ippubblikat ħdax-il xahar ilu.
Alex Perici Calascione huwa meqjus bħala wieħed tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u serva f’numru ta’ karigi fl-istrutturi tal-partit.
Fl-aħħar snin, waqt anki l-problemi finanzjarji li ilu jaffaċċja l-Partit Nazzjonalista, Perici Calascione kien il-kaxxier tal-partit u fl-2017 anki ħareġ għall-Kap biex ikun is-suċċessur ta’ Simon Busuttil.
Perici Calascione kien imexxi l-Kumitat Eżekuttiv fi żmien li l-istrutturi tal-partit bdew jisfiduċjaw lil dak iż-żmien Kap, Adrian Delia.
Fil-fatt l-Eżekuttiv immexxi minn Alex Perici Calascione kien sfiduċja lil Delia fis-sajf jaħraq tal-2020 għall-Partit Nazzjonalista.
Dawk li jsegwu mill-qrib l-iżviluppi u l-intriċċi fil-Partit Nazzjonalista rrimarkawlna li minkejja li Bernard Grech pubblikament xtaq mara biex tkun Viċi Kap, fl-aħħar mill-aħħar kellu jitqanna b’xi ħadd li mhu wiċċ xejn ġdid għall-Partit Nazzjonalista anki jekk l-istrateġisti qed jippruvaw jimmuntaw impressjonijiet differenti.
Dawn l-istess nies li tkellmu magħna qalulna li hekk l-establishment u li baqgħu jiddettaw anki fi żmien Gonzi u Busuttil, huma rashom mistrieħa li b’Perici Calascione ma’ djul Bernard Grech, dan tal-aħħar jibqa’ jobdi u jimxi mat-triq mogħtija lilu.
Dan l-istess bħal ma għamel fil-ġlied bejn Joe Giglio u Karol Aquilina, David Casa u ta’ Repubblika hekk kif Bernard Grech reġa’ wieġeb ‘Yes Sir’ lil ta’ Repubblika fuq il-kwistjoni ta’ Giglio.