L-ex kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione xejjen għalkollox dikjarazzjonijiet li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista meta pprova jagħti l-impressjoni li t-telfa storika li ġarrab il-Partit Nazzjonalsita s-Sibt li għadda kienet fl-istess ilma tat-telfa li ġarrab l-ex kap Nazzjonalista Simon Busuttil fl-elezzjoni Ġenerali ta’ sentejn ilu.
Perici Calascione saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid jagħraf ir-realtà eżatt kif inhi. Qal li issa hu stabbilit li d-disktatt mill-aħħar elezzjoni ġenerali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kiber minn 33,677 vot għal 42,656 vot.
Żied li issa hu stabbilit ukoll li l-Partit Nazzjonalista tilef t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew u li f’dawn l-aħħar sentejn, id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2017 sal-lum, kiber minn 11.5% għal 16.4%, li jsarrfu żieda fid-distakk ta’ 7,376 vot.
Żied jinnota li għalhekk issa hu stabbilit li din kienet l-agħar disfatta elettorali fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista.
Għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjara Puli, Perici Calascione għamilha ċara li dan ir-riżultat għandu jiġi aċċettat eżatt kif inhu.
Sostna li akbar ma jkun id-distakk, aktar qawwi jkun il-messaġġ tal-elettorat u aktar urġenti l-ħtieġa li jirreaġixxu għalih.
Bħalma sostna li l-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, appella biex dan ir-riżultati ma jiġix injorat jew imċekken l-impatt tiegħu.
B’botta ċara lejn il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, huwa temm isostni li ħadd ma hu ikbar mill-Partit Nazzjonalista.