Il-President tal-eżekuttiv nazzjonalista Alex Perici Calascione, ikkontradixxa lil Kap Nazzjonalista Adrian Delia, u qal li jista jittieħed vot ta’ fiduċja fil-kunsill ġenerali dwar il-Kap.
Is-sena li għaddiet, waqt kriżi oħra fil-Partit Nazzjonalista, f’tentattiv sabiex il-fazzjoni Busuttil tisfiduċja lil Delia, ittieħed vot mill-kunsilliera dwar it-tmexxija ta’ Adrian Delia.
Adrian Delia kien rebaħ dan il-vot u baqa’ Kap.
Dakinhar żewġ terzi tal-kunsilliera vvutaw favur il-Kap Nazzjonalista u terz tal-kunsilliera sfiduċjawh.
L-istatut li ġie approvat f’Ġunju li għadda jgħid li dan il-vot jista’ jerġa’ jittieħed sentejn wara li jkun ittieħed vot simili.
Din il-klawsola fl-istatut Adrian Delia qed jużaha sabiex isalva postu bħala Kap Nazzjonalista, wara li ġie sfiduċjat tliet darbiet f’ġimgħa waħda, mid-deputati tiegħu fil-grupp parlamentari u mal-President tar-Repubblika u mill-membri tal-eżekuttiv.
Perici Calascione, persuna qrib ħafna tad-deputati li sfiduċja lil Kap u li kkontesta fit-tellieqa għal Kap ma’ Delia, qal li jista’ jittieħed vot fit-tmexxija tiegħu skont l-istatut il-ġdid.
Qal li hemm klawsola fl-istatut il-ġdid, li jidħol fis-seħħ minn wara l-elezzjoni ġenerali.
Qal li Adrian Delia jista’ jieħu vot ta fiduċja mill-kunsill ġenerali fit-tmexxija tiegħu, billi tiġi preżentata mozzjoni u tkun iffirmata minn mja u ħamsin kunsillier.
Wara l-vot tat-tlieta, Perici Calascione qal li minkejja l-vot m’għandux konsegwenzi statutorji, jibgħat kunsiderazzjonijiet u implikazzjonijiet politiċi ċari.
Qal li f’dan l-istadju issa f’idejn Adrian Delia li jieħu inkunsiderazzjoni dan il-vot.
Dan il-kumment isegwi oħrajn ta’ pressjoni kbira biex Delia jwarrab bil-kwiet, fl-eqqel ta’ kriżi, ġlied u inkwiet li ma jrid jieqaf qatt fil-Partit Nazzjonalista.