Alex Perici Calascione llum ħabbarha fuq Facebook: “fil-jiem li ġejjin ser inkun qed nippreżenta n-nomina tiegħi għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.”
Dan qal li se jagħmlu biex il-Partit Nazzjonalista jkun “id-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin”.
Calascione kkontesta l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u ma kienx elett.
In-nominazzjonijiet għall-ħatra ta’ kap jiftħu għada. Chris Said u Adrian Delia huma ż-żewġ kandidati l-oħra li s’issa ddikjaraw l-interess tagħhom uffiċjalment, bit-tensjoni u botti bejniethom ma jonqsux. Dan għaliex saru dikjarazzjonijiet li l-kandidati għandhom ikunu skrutinizzati minn Kummissjoni, u din tagħmel due diligence ta’ kull min qed juri interess fil-kariga. Dan il-ħsieb sab l-appoġġ immedjat ta’ Chris Said, wieħed miż-żewġ kandidati ddikjarati. Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalu din il-linja ta’ ħsieb hija battuta ċara lejn Adrian Delia li jingħad għandu rabtiet li xejn ma jagħmlu ġieh lill-Partit Nazzjonalista.
Intant persuna oħra interessata fil-kariga huwa d-DJ David Thake. Iżda ta’ min jinnota li ma’ The Malta Independent, Thake qal li dan il-pass kien se jieħdu jekk l-unika żewġ kontestanti għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista jibqgħu d-deputat nazzjonalista Chris Said u Adrian Delia. Aktar kmieni din il-ġimgħa Thake kiteb fuq Facebook u saqsa lill-partitarji Nazzjonalisti jekk għandux jikkontesta għal din il-kariga.
L-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista se ssir f’Settembru u se tkun maqsuma f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi l-membri tal-Kunsill Ġenerali jivvotaw u jgħażlu żewġ kandidati filwaqt li fit-tieni fażi jivvotaw it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista. Għalhekk dan huwa sajf qalil għall-attivisti tal-PN, li ilhom b’partit maqsum minn qabel l-elezzjoni ġenerali.