Alex Perici Calascione, kontestant għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, irreaġixxa għall-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu fl-aħħar sigħat u qal li dan mhux il-mod ġdid ta’ politika ġdida li wieħed irid. Quddiem id-Dar Ċentrali, qal li ladarba li sar jaf bl-ittra anonima ikkuntatja lill-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex tkun diskussa b’mod immedjat.
L-ittra li ntbagħtet u li kienet żvelata għall-ewwel darba fuq one.com.mt iktar kmieni matul il-jum titlob lill-Kummissjoni Elettorali u l-Kummissjoni tal-Etika tinvestiga l-kunflitt ta’ interess li jista’ jkollu Perici Calascione b’rabta mal-Corinthia Group u l-fatt li għandu sehem fi Future Investments Limited.
B’din tal-aħħar hija kumpanija bi kwistjonijiet fosthom il-fatt li wieħed mid-diretturi huwa maħrub.
Perici Calascione tkellem bl-istess mod li kien qed jitkellem Adrian Delia fl-aħħar jiem, kontestant ieħor f’ċentru ta’ kontroversja. “Ħadd mhu se jiddetta l-aġenda tal-partit – ebda partit ieħor, l-ebda gazzetta u ebda ġurnalist,” qal Perici Calascione li appella l-kunsillieri jaħsbu fuq din l-istrateġija “nofs sajran”. Skont hu din l-ittra żiedet l-impenn tiegħu li jippersisti bil-kampanja għat-tmexxija.