Perici Calascione jaħrab dwar suġġetti importanti Alex Perici Calascione spikka għal mod kif ħarab milli jwieġeb dwar suġġetti importanti. Dan fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet tiegħu bħala kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Naħdmu, Nwettqu, Nikkonvinċu, l-avukat Perici Calascione qal li ma kienx elett fl-aħħar elezzjoni ġenerali għax il-kandidatura tiegħu ħabtet mal-ħidma tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista jagħmel kampanja elettorali li tkun iffinanzjata b’mod tajjeb.
Meta mistoqsi xi rwol se jkollha d-deputat Marlene Farrugia f’Partit Nazzjonalista mmexxi minnu, Perici Calascione qal li wieħed għad irid jara u din hi diskussjoni interna li trid issir mill-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku.
Biex sal-aħħar tal-konferenza tal-aħbarijiet tiegħu baqa’ ma kienx ċar x’tip ta’ koalizzjoni jew kollaborazzjoni jrid hu. Anke meta mistoqsi dwar il-liġi tal-IVF u jekk għandux ikun hemm bżonn bidliet ma ta ebda ħsieb. Qal biss “naraw il-proposta xi tkun.”
Meta mitlub jgħid jekk jaqbilx li kellu jingħata vot ħieles dwar il-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ, Perici Calascione kien evażiv. Qal li ma kienx hemm bżonn vot ħieles dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ għax kienet fil-manifest elettorali, iżda mbagħad żied jgħid li jekk wieħed ħass li l-proposta li għamel il-gvern kienet differenti minn dik fil-programm elettorali allura kienet tagħmel sens li jkun hemm vot ħieles.
Bħal Adrian Delia, li diġa’ tefa’ l-kandidatura tieħgu, Perici Calascione qal li għaddejin diskussjonijiet biex xi ħadd iċedilu s-siġġu parlamentari jekk ikun elett hu. Iżda, qal li mhux etiku jikkummenta fuqu.