Il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista qalet li sabet li l-uniku kandidat li wera interess fil-kariga ta’ Viċi Kap Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, huwa idoneju sabiex jikkontesta għal dan l-irwol.
Fi stqarrija li ħarpet illejla, il-Partit Nazzjonalista qal li waqt laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, il-Kumitat ħa nota tar-rapport tad-diliġenza dovuta li sar fuq Perici Calascione.
Intqal kif mil-lum stess, infetaħ il-perjodu sabiex l-uniku kandidat f’din it-tellieqa jitfa’ n-nomina għal elezzjoni ta’ Viċi Kap Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista qal li wara li tintefa’ n-nomina ta’ Perici Calascione, jingħalaq il-proċess u wara jiġi determinat meta se ssir l-elezzjoni għal konferma tal-Viċi Kap.
Fl-istqarrija li bagħat il-Partit Nazzjonalista, ma ppubblikax ir-rapport tad-diliġenza dovuta li sar fuq Alex Perici Calascione.
Dan tal-aħħar, li huwa meqjus qrib ħafna tal-fazzjoni tal-establishment tal-PN, tefa’ ismu proprju fil-jum meta kienet se tagħlaq l-espressjoni tal-interess għal din il-kariga. F’dan il-perjodu ta’ madwar ġimgħa, ħadd mill-Grupp Parlamentari ta’ Bernard Grech ma wera interess fil-kariġa numru tnejn fil-Partit Nazzjonalista.
Perici Calascione kien kaxxier fi żmien it-tmexxija ta’ Simon Busuttil u anki President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista fiż-żmien meta Adrian Delia kien qed jiġi mminat u eventwalment ġie sfiduċjat mill-Eżekuttiv, li kien imexxi l-istess Perici Calascione.
Fl-2017, Alex Perici Calascione, wieħed mill-magħżula tal-establishment, kien ipprova jieħu t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa ħareġ għal diversi elezzjonijiet, fosthom l-aħħar elezzjoni f’Marzu li għadda, iżda qatt ma ġie elett.
Sorsi mill-istamperija li kienu tkellmu ma’ ONE News wara li tefa’ ismu Perici Calascione, fakkru li sena ilu Perici Calascione kien imġiegħel jagħmel il-wisa’ mill-kariga tiegħu fl-istruttura tat-tmexxija fil-Partit Nazzjonalista biex jdħol “demm ġdid” u issa spiċċa l-uniku kandidat li qed jikkontesta għall-kariga numru tnejn fil-Partit Nazzjonalista.
B’hekk, bħalma ġara fil-każ ta’ Bernard Grech fl-elezzjoni riċenti għall-Kap, il-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jkollu tellieqa oħra b’żiemel wieħed.
Ta’ min jinnota li, wara bidla fl-istatut tal-PN, il-partit se jkollu Viċi Kap wieħed minflok tnejn.