Bernard Grech kellu jċedi għax-xewqa tal-istrateġist li mpjega miegħu biex jibqa’ għaddej b’kawża kontra l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, fost oħrajn.
Peregin ħa dak li ried biex ikompli l-kawża kontra l-istazzjonijiet politiċi.
Tant il-kawża mhix fl-interess tal-Partit Nazzjonalista li l-istess Partit Nazzjonalista daħal b’żewġ avukati parteċipi fil-kawża biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu.
Minkejja dan, dak li jrid jiddeċiedi xi jsir fid-Dar Ċentrali u fuq il-midja tal-partit insista li l-kawża ma jċedihiex u Bernard Grech baxxa rasu u qallu li seta’ jagħmel kif jixtieq.
F’artiklu fuq il-Maltatoday Peregin innifsu qal għandu l-barka ta’ Grech biex ikompli b’din il-kawża li effetivament tista’ twassal sabiex il-ħaddiema tal-midja Nazzjonalista stess jitilfu l-impjieg tagħhom.
Skont Peregin, Grech huwa bniedem li jirraġuna.
L-impjieg ta’ Peregin fid-Dar Ċentrali kien qajjem rivoluzzjoni sħiħa fost il-ħaddiema tan-NET, li inkluż dawk li meta nfetħet il-kawża kontra l-istazzjonijiet politiċi ħarġu kontra tiegħu qatta’ bla ħabel iżda, issa jidher li r-rabja qed tilħaq livelli ġodda hekk kif dak li ġie warajhom u jitħallas ferm iktar minnhom għadu għaddej b’każ li jemmnu li jista’ jtelfilhom ħobżhom.
Fuq kollox minbarra s-salarju tajjeb li tah Grech, Peregin għadu bl-ishma fil-LovinMalta, anke jekk xhur ilu qal li se jneħħihom.
Kemm Peregin ilu li mar id-Dar Ċentrali kien hemm każijiet fejn esponenti tal-Partit Nazzjonalista stess ikkummentaw fuq l-influwenza tiegħu fuq dan is-sit suppost indipendenti.
Fuq quddiem nett kien ilmenta l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li riċenti reġa’ tkellem dwar attakki fuqu.
Din mhux l-ewwel darba li Bernard Grech kellu jċedi għal esponenti li fl-aħħar ftit snin idettaw l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista, fosthom deputati bħal Jason Azzopardi u Karol Aquilina u esponenti bħal Manuel Delia.
F’intervista mal-ġurnalist ta’ ONE News, Bernard Grech ħareġ għonqu għal Peregin meta kien mistoqsi lil min ser jipproteġi, jekk hux lill-istrateġista tiegħu jew lill-ħaddiema tal-media.link.
Huwa kien stqarr: “Gidba hija li ngħidu li din hija kawża kontra l-istazzjonijiet tal-partit. Dik mhijiex hekk.”