Chris Peregin, l-istrateġista ewlieni tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u l-koordinatur tal-kampanja elettorali Nazzjonalista, kompla bil-kawża li kien fetaħ huwa stess kontra l-istazzjonijiet tax-xandir NET u ONE.
Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, dan ix-xahar Peregin reġa’ deher flimkien ma Bettina Falzon u David Grech assistiti mill-avukati tas-sit Lovin Malta għall-kawża kostituzzjonali li kien fetaħ fil-bidu tas-sena.
Peregin, li llum qed jiġi rrappurtat li qed jaqla’ mas-sebgħin elf ewro mill-Partit Nazzjonalista, għamilha tiegħu, il-kawża sabiex jagħlaq l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista u tal-Partit li issa jqallgħu l-flus biex jagħti l-pariri lil Bernard Grech.
Is-sit ta’ Peregin kien saħansitra mexxa kampanja ta’ ġbir ta’ fondi biex jiġbor il-flus bil-għan li jsaħħaħ l-attakk tiegħu kontra ż-żewġ partiti politiċi, li llum spiċċa jagħmel parti minn wieħed minnhom, fi rwol ċentrali u maniġerjali.
F’Lulju li għadda, meta ħabbar li minn Lovin Malta kien se jmur mal-Partit Nazzjonalista, Peregin kien qal ukoll li kien se jirtira l-ishma kollha li għandu fis-sit Lovin Malta.
Madankollu ftit tal-jiem ilu t-Times żvelat li minkejja din id-dikjarazzjoni, Peregin kien għadu x-shareholder ta’ sit li jgħid li hu indipendenti.
Koinċidentalment, ġimgħa wara din l-aħbar, fuq il-Lovin Malta ħarġet storja kontra t-Times fejn ġie allegat li l-kumpanija li tippubblika l-gazzetta kienet qed tagħti ċifri mhux veritieri dwar in-numru ta’ kopji ta’ pubblikazzjonijiet.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-LovinMalta ukoll ħarġet rapport fuq Adrian Delia, tallega li dan kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari meta ħareġ li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Delia ċaħad din l-allegazzjoni fl-isfond t’attakk min-nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fuqu u fetaħ libell kontra s-sit ta’ Peregin.