L-istrateġista l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Christian Peregin għadu ma bigħx l-ishma tal-kumpanija Lovin Malta li waqqaf hu stess lura fl-2016.
Żvelat dan is-Sunday Times hekk kif fakkret li Peregin malli ġie ngaġġat mal-Partit Nazzjonalista, wiegħed li kien se jbiegħ l-ishma tiegħu immedjatament sabiex ma jkunx hemm kunflitt ta’ interess.
Madankollu mill-ewwel ta’ Awwissu mindu huwa rriżenja bħala Direttur tal-Lovin Malta, r-reġistru tal-kumpaniji għadu juri li Peregin għadu jħaddan il-maġġoranza tal-ishma tas-sit.
It-Times irrappurtat ukoll kif din is-sitwazzjoni tista’ tkun waħda skomda għall-Peregin u l-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-fatt anki li l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ libell kontra l-Lovin Malta fuq artiklu li jgħid kif Adrian Delia kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari fuq il-kumpanija 17-Black.
Dakinhar ukoll ONE News kien irrapporta kif sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali kienu qalulna li Christian Peregin innifsu kien ta din l-istorja lill-Lovin Malta f’tentattiv li l-establishment tal-Partit Nazzjonalista jqaċċat lill-Adrian Delia.
Ma’ ġurnalist ta’ ONE News, Christian Peregin kien ċaħad din l-allegazzjoni.
Intant it-Times ikkuntatjat lill-Peregin dwar il-fatt li huwa għadu jħaddan il-maġġoranza tal-ishma tas-sit Lovin Malta u b’hekk teknikament għad għandu kontroll fuq il-kumpanija.
Huwa tenna li l-proċess biex ibiegħ l-ishma qed jiġi trattat b’urġenza mill-partijiet kollha kkonċernati sabiex jitlesta’ fl-inqas żmien possibbli.