Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jagħti pensjoni tas-servizz lill-persuni romol ta’ membri u eks membri tal-korpi dixxiplinati li jkunu ġew nieqsa qabel jagħlqu l-25 sena sena jew fi żmien bejn l-għeluq tas-servizz u l-età tal-pensjoni.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri u mill-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, fejn intqal li dawn ir-romol se jibdew jieħdu bejn tlett u ħames snin tal-pensjoni tas-servizz.
Din il-miżura soċjali se tidħol fis-seħħ mill-bidu tas-sena l-oħra, minndu l-Gvern ħabbar dan fil-manifest elettorali.
Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid, se tibda tingħata pensjoni tas-servizz lill-armla jew l-armel, skont is-snin ta’ servizz li l-uffiċjal li jkun miet ikun serva, mill-anqas għaxar snin.
Il-Ministru Byron Camilleri tenna li din hija wegħda elettorali tal-Partit Laburista u spjega li s-sitwazzjoni bħalissa hi li l-uffiċjali li jmutu qabel ma jagħlqu l-25 sena servizz inkella fil-perjodu bejn l-għeluq tas-snin tas-servizz u l-età tal-irtirar, ma kienux qed jibbenefikaw minn l-ebda protezzjoni finanzjarja.
Bl-eċċezzjoni kienet dawk li jkunu mietu b’rabta diretta mal-funzjoni tal-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-Ministru Camilleri sostna li għal dawk li jitilfu ħajjithom fil-ħin tax-xogħol miżuri imposti diġà hemm, iżda din il-miżura se tolqot lil dawk li jmutu lil hinn.
Il-Ministru Michael Falzon tenna li qed nitkellmu fuq miżura soċjali li se tkun qed iżżid fuq dak li diġà hemm, b’rikonoxximent tal-ħidma li ssir mill-korpi dixxiplinati.
Sostna li l-Gvern se jkompli jagħmel id-differenza d-differenza fil-ħajja tan-nies. Dan biex ikun hemm ġustizzja soċjali ma’ dawk l-aktar vulnerabbli filwaqt illi nagħtu aktar enerġija pożittiva.