Aktar minn tnejn u disgħin elf ħaddiem gawdew mill-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi magħrufa bħala Covid Wage Supplement.
Permezz ta’ din l-għajnuna, f’dawn iż-żminijiet tal-pandemija, fejn in-negozji sabu sfidi, il-miżura tal-Covid Wage Supplement għenet sabiex in-negozji baqgħu għaddejjin u żammew il-ħaddiema fis-settur tax-xogħol.
Minn informazzjoni li ngħatat permezz ta’ tweġiba parlamentari, il-Ministru responsabbli mill-Intrapriża Miriam Dalli qalet kif sal-aħħar ta’ Jannar, tnejn u disgħin elf, erba’ mija tlieta u ergħin persuna ngħataw il-Covid Wage Supplement.
Fl-ewwel skema, dik ta’ Annex A, aktar minn erbgħa u ħamsin elf (54,000) ħaddiem full-time ngħataw tmien mitt ewro (€800) fix-xahar, filwaqt li aktar minn għaxart elef (10,000) ħaddiem part-time ħadu ħames mitt ewro (€500) fix-xahar.
Fit-tieni skema, dik ta’ Annex B aktar minn ħamsa u għoxrin elf (25,000) ħaddiem full-time ngħataw mija u sitta ewro (€160) fix-xahar, filwaqt li ‘l fuq minn elfejn u sitt mitt (2,600) ħaddiem part-time ħadu mitt ewro (€100) fix-xahar.
Dawn il-ħaddiema jaħdmu f’kumpaniji u negozji li ma ntlaqtux daqs l-oħrajn bil-pandemija.
Fil-Parlament, il-Ministru Dalli qalet ukoll kif ġew approvati aktar minn sbatax-il elf applikazzjoni għall-Covid Wage Supplement.
Intant, f’mistoqsija parlamentari oħra mid-deputat Nazzjonalista Joe Ellis li staqsa għaliex il-pensjonanti mhux jingħataw il-Covid Wage Supplement, il-Ministru Miriam Dalli qaltlu li dan mhux minnu.
Minn ċifri li kiseb ONE News, minn Lulju tas-sena li għaddiet, kważi tlett elef u erba’ mitt penzjonant li għadhom jaħdmu ħadu l-Covid Wage Supplement. Filwaqt li l-ammont allokat għal dawn il-pensjonanti sal-aħħar ta’ Jannar kien ta’ aktar minn tlettax-il miljun u sitt mitt elf ewro.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-ħaddiema pensjonanti li jaħdmu għal rashom ilhom jieħdu l-Covid Wage Supplement sa minn Marzu, meta tnediet il-miżura sħiħa tal-Covid Wage Supplement.
Il-Ministru Dalli stqarret: “Aħna qegħdin ninvestu f’dawk il-pensjonanti li baqgħu għaddejjin bix-xogħol tagħhom, kif qegħdin ninvestu fil-ħaddiema l-oħrajn kollha għaliex ix-xogħol tagħhom għalina huwa imprezzat ħafna. Interessanti li tara kif il-Partit Nazzjonalista lanqas irrealizza li l-pensjonanti f’pajjiżna qegħdin jieħdu l-Covid Wage Supplement, fejn kellna mistoqsija jistaqsuna għaliex mhux jieħdu l-Covid Wage Supplement, meta l-pensjonanti tagħna qed jieħdu l-Covid Wage Supplement.”