Il-Gvern Britanniku approva l-qtugħ ta’ sussidji relatati mal-prezzijiet tal-enerġija lil miljuni ta’ pensjonanti ta’ ’l fuq minn 66 sena biex b’hekk se jesperjenzaw, b’mod awtomatiku, żieda oħra fuq il-kontijiet tagħhom, wara dawk li kienu ddaħħlu fl-aħħar xhur kawża tal-kriżi internazzjonali tal-enerġija.
Il-Gvern ta’ Keir Starmer, li fl-aħħar jiem bassar baġit li jweġġa’ biex ipatti għall-ħofra finanzjarja li ħalla l-predeċessur tiegħu Rishi Sunak u l-amministrazzjoni tiegħu, ivvota favur it-tneħħija tal-iskema ta’ ħlasijiet tal-fjuwils tax-xitwa, li ddaħħlet fl-1987 u tagħti somma ta’ darba lill-pensjonanti fil-pajjiż biex ikunu jistgħu jsaħħnu djarhom.
Tnejn u ħamsin deputat tal-Gvern Laburista astjenew fil-vot fil-House of Commons, filwaqt li deputat ieħor ivvota kontra fost għajjat ta’ ‘shame’ mat-tħabbir tar-riżultat.
Ingħad li l-bidla mistennija tiffranka lill-Gvern Brittaniku madwar biljun u erba’ mitt miljun Sterlina, jew biljun u tmin mitt miljun ewro, fis-sena.
Il-Ministru għall-Finanzi, Rachel Reeves, qalet li din il-miżura kellha tittieħed biex ittaffi l-ħofra ta’ tnejn u għoxrin biljun ewro fil-fondi pubbliċi.
Diversi deputati tal-Gvern, tal-Oppożizzjoni u organizzazzjonijiet volontarji appellaw biex il-Gvern imur lura minn din id-deċiżjoni, hekk kif din se tkun għażla iebsa bejn it-tisħin tad-djar u l-ikel u ddeskrivewha bħala deċiżjoni bejn ħajja u mewt minħabba li iżjed pensjonanti se jaqgħu fil-faqar.
Pensjonanti Brittaniċi, li tkellmu mal-midja fil-pajjiż, qalu li l-kesħa se taffettwalhom is-saħħa fiżika u mentali tagħhom, hekk kif mhux se jkunu qed jaffordjaw isaħħnu djarhom.
Rachel Maskell, Deputata Laburista Britannika, qalet li l-anzjani se jsiru jibżgħu jixgħelu d-dwal.
Is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fir-Renju Unit hi kompletament bil-kontra għal pajjiżna, fejn minkejja kull sfida internazzjonali, il-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, baqa’ jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija.
Fost kritika kontinwa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Gvern għażel li jibqa’ ma jżid lanqas ċenteżmu wieħed fuq il-kontijiet tal-familji u n-negozji, b’sussidji li swew lill-Kaxxa ta’ Malta mijiet ta’ miljuni ta’ ewro. Minkejja dan il-piż nazzjonali, l-ekonomija kompliet tikber b’mod qawwi u l-finanzi tal-pajjiż baqgħu taħt kontroll.
Differenti wkoll minn għadd ta’ pajjiżi oħrajn Ewropej.