Martin Delia, pensjonant ta’ 66 sena mill-Imtarfa, residenti Raħal Ġdid, inżamm arrestat wara li fil-Qorti weġeb li mhux ħati ta attentat ta’ qtil b’rabta mal-isparatura li seħħet f’għalqa biswit Vjal Santa Luċija f’Raħal Ġdid fl-aħħar jum tas-sena.
Meta talab għal-libertà proviżorja, id-difiża rrimarkat dwar is-saħħa fiżika tal-akkużat u qalet li għandu diversi problemi ta’ saħħa fosthom fil-kliewi, tant li kull tlett ijiem ikollu jattendi l-isptar Mater Dei.
Barra minn hekk, għandu bżonn moniteraġġ fuq l-insulina li jrid jieħu ta’ kuljum u għandu problemi serji f’qalbu. Id-difiża osservat li waqt l-arrest ingħata l-insulina tliet sigħat tard u kellu jittieħed l-isptar għax kien se jitlef ħajtu. Argumentat ukoll li l-biża’ tat-tfixkil tal-provi ma japplikax f’dan il-każ għax il-provi huma ppriservati.
Minn naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni rrimarkat dwar is-serjetà tal-akkuża fil-konfront tal-imputat u fakkret li dan qed jiġi mixli b’attentat ta’ qtil.
B’rabta mat-trattazzjoni li qieset is-saħħa tal-imputat, il-Prosekuzzjoni sostniet li l-ħabs jista’ jagħmel tajjeb għall-visti li għandu l-imputat l-isptar u dan jittieħed Mater Dei sabiex jieħu l-kura neċessarja.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li għad hemm xhieda x’jixhdu f’dan l-istadju.
Il-Maġistrat Astrid May Grima kellha tintervjeni bejn iż-żewġ partijiet fost diversi battibekki li saru.
Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li għad hemm xhieda li jridu jixhdu f’dan il-każ u wkoll minħabba l-viċinanza tal-proprjetà tal-imputat lejn dik tal-allegat vittma. Il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jipprovdi lill-imputat kull għajnuna neċessarja waqt li jkun inkarċerat u enfasizzat li l-imputat għandu jinżamm taħt osservazzjoni sabiex il-mediċini li għandu bżonn jingħatawlu.
Għan-nom tal-imputat dehru l-avukati Jose Herrera, Matthew Xuereb, Arthur Azzopardi, Jacob Magri, u Daniel Attard.
F’isem l-Avukat Ġenerali dehru l-avukati Kaylie Bonett u Nathaniel Falzon. Dehru wkoll l-Ispetturi Wayne Camilleri u Antonello Magri. L-Avukat Franco Debono deher bħala parte civile.