Anthony Stivala, pensjonant ta’ sebgħa u sittin sena mill-Iklin li għandu ħanut tal-antikitajiet, tressaq il-Qorti akkużat li kellu fil-pussess tiegħu vażuni antiki u arloġġ li kienu misruqin mill-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.
L-anzjan ammetta li kellu għandu oġġetti misruqin li huma proprjetà kulturali tal-Gvern Malti. Hu qal li ma kienx jaf li kienu misruqa.
Il-Qorti semgħet kif il-Pulizija rnexxielhom jintraċċaw l-oġġetti f’daru l-Ħamis, fejn instabu mgeżwra f’xugamani f’‘kundizzjoni perfetta’.
Wara li ammetta l-akkużi, ir-raġel ġie ddikjarat ħati u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
L-anzjan huwa t-tieni persuna li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ u mistenni jixhed kontra l-perita Serba li kienet involuta fir-restawr tal-palazz u qed tkun mixlija li serqet l-artifatti.