Pensjonant li hu residenti l-Marsa se jkun l-ewwel persuna li ġie akkużat b’tixrid ta’ materjal pornografiku ta’ omm taħt il-liġi l-ġdida.
L-istess raġel ġie akkużat li għamel użu ħażin minn apparat elettroniku ta’ komunikazzjoni, filwaqt li pprova jagħmel qliegħ minn fuq l-istess mara.
Il-każ seħħ nhar it-Tlieta li għadda u f’okkażjonijiet diversi fil-ġimgħat ta’ qabel.
Waqt il-prosekuzzjoni l-Ispettur Paula Ciantar spjegat kif qabel ma l-mara marret għand il-Pulizija, kienet fittxet l-għajnuna mingħand il-Victim Support Malta fejn intbgħatet ittra ġudikali lill-akkużat, twissih li se jkun qed jaffaċċja proċeduri kriminali jekk se jkompli jagħti fastidju lill-istess mara.
Mhux talli kompla jiffastidja lil din il-mara, iżda talli fittex lill-avukat li kiteb l-ittra fuq is-sit soċjali ta’ Facebook u qalilha li l-mara “bdiet tinkieh” fuq il-midja soċjali.
F’okkażjoni differenti l-imputat hedded lil din il-mara li se jkun qed jgħaddi r-ritratti tagħha mingħajr ħwejjeg lir-raġel u lit-tifel tagħha fejn talabha s-somma ta’ €1,000 biex dawn ma jixxandrux, fejn hi ma għamlet l-ebda kuntatt miegħu.
Ġara li nhar it-Tlieta l-imputat ikkuntattja lit-tifel tal-mara inkwistjoni fejn anke bgħatlu diversi ritratti ta’ ommu mingħajr ħwejjeġ.
L-uffiċjal tal-prosekuzzjoni qal li l-akkużat mhux biss hedded lill-mara iżda li wettaq it-theddid li hu kien qed jagħmel.
Id-difiża sostniet li n-numru kbir ta’ ritratti jindikaw li l-allegazzjonijiet li din il-mara pprovokat lill-akkużat huma minnhom.
Il-prosekuzzjoni argumentat li l-akkużat huwa diffiċli biex jiġi ttraċċat dan minħabba l-fatt li l-indirizz tad-dar mhux l-istess wieħed li hu rreġistrat bih fuq il-Karta tal-Identità. Kien wara li l-Pulizija kkuntattjat lit-tfal tal-akkużat li rnexxielhom isibu fejn kien.
Peró, il-Qorti ddikjarat li fl-opinjoni tagħha l-akkużat għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000 bil-kundizzjoni li ma jagħmel ebda kuntatt mal-mara inkwistjoni, li jiffirma f’Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa u li josservi l-ħinijiet impost fuqu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Paula Ciantar filwaqt li għall-anzjan deher l-Avukat Carm Mifsud Bonnici.