Hekk kien jgħid Giulio Andreotti. Li taħseb ħażin dnub, imma ħafna drabi taqta’ bi preċiżjoni. Bil-Malti ngħidu: “Aħseb il-ħazin, ħalli t-tajjeb ma jonqosx” Daħalli suspett qawwi fuq Alarm Phone, wara li New York Times qalet li l-immigranti jaqbdu mal-Alarm Phone b’telephone satellitari li jkun rċevew fil-Libja stess minn min jarma l-laneċ. Mort infittex u sibt li dawn għandhom bażi fuq l-art. Javżaw li huma ma jagħmlu l-ebda salvataġġ imma jistgħu jagħmlu sejħa għall-għajnuna. Jagħmlu wkoll informazzjoni għall-medja, biex fi kliemhom jimbarazzaw lill-awtoritajiet. Alarm Phone stess jgħidu li għandhom kollaboraturi fil-Libja!
Għax dawn fuq l-art f’pajjiż ieħor kif suppost isiru jafu jekk ma jaqbduhomx bit-telekomunikazzjoni? Ispirazzjoni supranaturali bhalma kellu l-editur tal-Avvenire? Jien staqsejt lil xi hadd li jaf fuq is-suggett, u anke mort infittex fuq l-internet. Taħsbux li telephone satellitari b’xejn tixtrih. Iqum flus sewwa. Dawk in-nies ta’ fuq il-laneċ jistgħu jagħmlu kapriċċ hekk? Mobile jista’ jkollhom imma jwassal biss sa 15-il mil mix-xatt. Min irid jara din il-website tal-Alarm Phone u tindunaw kemm ħabi, li jinsabu ‘l bogħod, u li għandhom min jgħinhom fix-xtut ta’ fuq tal-Afrika.
Fil-liġi ngħidu li hemm biżżejjed provi ċirkostanzjali biex iwassluk univokament għall-konklużjoni waħda. Hemm xi ħaġa li ma ddoqqx fl-istorja kollha. Fażulla! Jekk qed jagħmlu s-sewwa juru wiċċhom. Imma xejn. Lanqas min huma l-membri jew il-mexxejja.
Issa min-naħa l-oħra, l-immigranti kif jafu lil min għandhom iċemplu? Misteru ieħor. U mhux numru li tiftakru malajr. Min għaddielhom in-numru lil dawn in-nies li suppost qegħdin fil-ħarba? Aktar jidher li kollox organizzat bid-dettalji kollha. U jekk wieħed jaqra fil-website jiftaħru li jiltaqgħu mal-gruppi tal-migranti fl-Afrika u jagħtuhom in-numru! Imma min jagħtihom l-apparat?
Meta Alarm Phone jkollhom sejħa li hemm in-nies fil-periklu, normalment kif urew l-istejjer riċenti, iċemplu u jikkuntattjaw il-vapuri tal-NGO’s. U oħroġ l-għaġeb għax f’ħakka t’għajn dawk il-vapuri jkun hemm u jsalvaw in-nies. Dawn l-għaqdiet għandhom l-għeruq il-Ġermanja u jirċievu l-flus mill-Knisja Protestanta Ġermaniża. Hemm xi ftit li mhumiex Ġermaniżi.
Kif dejjem inzertaw fil-qrib? Miraklu! Matteo Salvini ġew f’idejh filmati fejn jidhru l-vapuri tal-NGO’s jirranġaw mal-merkanti tal-bnedmin. U l-vapuri tal-NGO’s ma jsalvawx in-nies imma jgħabbuhom bħal taxi ħalli jkomplu l-vjaġġ. U jidħlu jew l-Italja jew Malta. Ikunu rifsu l-Ewropa u l-vjaġġ ikun suċċess, allavolja maqsum fi tnejn. It-traffikanti jwasslu sa fejn għandhom iwasslu, u l-kumplament għall-Ewropa f’idejn tal-qalb tajba.
Meta jkun hemm għarqa, Alarm Phone tindaħal ukoll, u l-vapuri tal-NGO’s iwassal. Imma kif ma jinzertawx vapuri merkantili jew navali?
Meta jerfgħuhom l-NGO’s xorta jġibuhom l-Ewropa. Imqar jekk ikun qrib il-port tajjeb bħal dak li hemm fit-Tuneżija. Le. Il-portijiet tajbin fl-Italja u f’Malta.
Biex aktar iħassbuni ħażin f’dawn l-aħħar ġranet kien hemm possibbilment żewġ każi ta’ għarqa. Fl-istess żmien kien hemm id-dikjarazzjoni tal-Italja u ta’ Malta li ma kellhomx portijiet tajbin ħalli jilqgħu l-migranti.
Oħroġ l-għaġeb il-vapuri tal-NGO’s ma marrux isalvaw u l-anqas jidher li Alarm Phone ċemplu lill-vapuri tal-NGO’s.
L-NGO’s kien jafu li mhux x’se jirnexxielhom iwasslu lin-nies fuq art tal-Ewropa, mod jew ieħor, u għalhekk ma kienx ħobż tajjeb. L-iskop huwa wiehed. Dawk emigrant ekonomiċi mill-Afrika ghall-Ewropa, l-istess bħal ħafna fl-imgħoddi li kien jaħarbu fuq xi vapur lejn l-Amerka. Hemm xi ftit li jaharbu mill-persekuzzjoni f’pajjiżhom, imma dawn mhux Libjani. Fil-Libja jew ma‘ naħa jew ma’ oħra. Kien hemm ħtieġa tal-kenn għal dawk li kienu magħrufa bħala qrib Gaddafi. Hemm pajjiżi Musulmani li lesti jilqgħu ħaddiema mill-Afrika, imma dawn iridu l-Ewropa! Imma l-art imwegħda li tidher fuq it-television hija l-Ewropa, u fuq l-Ewropa jisimgħu għax kienu kolonji wkoll. Jitkellmu bl-ilsna tal-Ewropa. Għalhekk jinħoloq il-business tat-trasport.
Kemm kellu raġun Andreotti. U lili tagħtunix tort li mhux qed nemmen lil dawn li jippreżentaw ruħhom ta’ qlub tajba. Robert Abela għandu raġun iżomm iebes.