F’konfront pjuttost medjokri u nieqes minn azzjonijiet denji ta’ nota, Gzira kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Naxxar f’partita li huma kienu territorjament superjuri u tattikament dixxiplinati. Madankollu għalkemm Gzira kienu kemmxejn superjuri, anke f’dak li jirrigwardja pussess tal-ballun, wieħed ma jrid ineħħi xejn mill-mertu ta’ Naxxar li offrew opoożizzjoni denja lill-Maroons tul id-90 minuta u ma kienu jisirqu xejn li kieku ħarġu mill-ground almenu b’punt.
B’hekk Gzira rritornaw għar-rebħ wara tliet logħbiet mingħajr rebħa fil-Malta Premier. Min-naħa l-oħra għal Naxxar bdiet jew aħjar kompliet tixgħel il-bozza l-ħamra fejn din kienet is-seba’ partita konsekuttiva mingħajr rebħa fil-kampjonat.
Għal Gzira iddebutta l-plejer Kurt Zammit wara li ngħaqad magħhom mingħand Birkirkarta fil-jiem li għaddew, waqt li għal Naxxar għamel id-debutt tiegħu il-player Laton wara li ngħaqad magħhom ukoll mingħand l-Istripes.
Kien biss fit-18-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita bi Gzira jirbħu penalty meta Thaylor Aldama, xeħet cross għan-nofs bil-player ta’ Naxxar Maicon de Silva Souza imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu il-captain GABRIEL BOHRER MENTZ li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, biex tela’ fit-tieni post tal-aqwa skorers tal-Malta Premier b’10 goals fejn laħaq lil Luke Montebello u Franklin Sasere.
Fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Kayne Haber għal Naxxar ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper Taljan ta’ Gzira United, Giulio Mangano.
L-azzjoni sussegwenti waslet biss fl-64 minuta, b’Naxxar ikunu huma li joħolqu l-periklu meta xutt mid-distanza ta’ Laton intemm barra.
Il-partita kompliet bl-istess ritmu u andament jiġifieri nieqsa mill-emozzjoni bi Gzira jkomplu jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Slobodan Petrovic
Plejer tal-Logħba: Gabriel Bohrer Mentz (Gzira U.)