It-tim Taljan ta’ Juventus ingħata penali ta’ 15-il punt mill-Qorti tal-Appell tal-Federazzjoni tal-Futbol Taljan, il-FIGC wara konklużjonijiet li ħarġu mill-Qorti Sportiv li kien qed jinvestiga t-trasferimenti tal-klabb.
Dan hekk kif il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti Federali tal-Appell biex terġa’ tiftaħ il-proċeduri kontra l-Bianconeri wara rivelazzjonijiet ġodda, li juru prattiċi finanzjarji ħżiena tal-klabb u l-allegati ħlasijiet sigrieti tal-plejers miftiehma matul l-istadji bikrija tal-pandemija.
Fil-preżent, qegħdin jiġu mistħarrġa numru ta’ trasferimenti li ma jinvolvux biss lil Juventus, imma kien dan il-klabb li l-ewwel laqqatha.
Id-deċiżjoni tal-Qorti kienet aktar ħarxa minn dak li talab il-Prosekutur, hekk kif talab għal tnaqqis ta’ disa’ punti.
Meta fadal għoxrin logħba x’jintlagħbu matul dan l-istaġun, Juventus kienu jinsabu fit-tielet post tas-Serie A, 10 punti wara Napoli li jinsabu fil-quċċata.
Bit-tnaqqis ta’ ħmistax-il punt, Juventus niżlu f’nofs il-klassifika, ’il bogħod mill-postijiet fl-Ewropa għall-istaġun li ġej.
Issa, Juventus jinsabu fl-għaxar post, bi 22 punt daqskemm għandhom Bologna u Empoli, u 12-il punt ’il bogħod minn Roma li jinsabu fis-sitt post.
Apparti minn hekk, l-eks Chairman ta’ Juventus Andrea Agnelli ġie sospiż sentejn minn kull attività li għandha x’taqsam mal-futbol, waqt li l-eks Direttur Sportiv Fabio Paratici ġie sospiż għal tletin xahar u l-eks Viċi President ta’ Juventus Pavel Nedved ġie sospiż għal tmien xhur.
Tard is-sena li għaddiet l-bord kollu tat-tmexxija ta’ Juventus irriżenjaw wara li l-klabb kien irreġistra telf rekord li jaqbeż il-mitejn erbgħa u ħamsin miljun ewro fl-istaġun li għadda.
Dawn is-sanzjonijiet mhumiex relatati mal-allegat ftehimiet ta’ ħlas sigrieti bejn il-klabb u l-plejers tagħhom matul l-istadji bikrija tal-pandemija.
Juventus dejjem ċaħdu li mxew illegalment fis-suq tat-trasferimenti, u saħqu li l-kontijiet tagħhom dejjem kienu konformi mar-regoli. Dan filwaqt li se jappellaw minn din id-deċiżjoni li ttieħdet fil-konfront tagħhom.