Il-Klabb ta’ Pembroke Athleta Athletics & Triathlon Club (P.A.A.T.) ħabbar li ġew aċċettati bħala Klabb Membru fil-European Athletics Promotion Circuit (EAP).
Din id-deċiżjoni ttieħdet waqt id-29 Kungress ta’ l-EAP li sar fi tmiem il-Ġimgħa, fi Franza.
Din id-deċiżjoni tiftaħ kapitlu ġdid fl-istorja ta’ dan il-Klabb ewlieni fil-kamp tal-atletika lokali, u hija parti mill-implimentazzjoni tal-Programm għall-Iżvilupp Sportiv intenzjonat sabiex jgħolli l-livell tal-atleti tal-Klabb ta’ Pembroke. Dan il-programm jinkludi numru ta’ inizjattivi bħal identifikazzjoni ta’ talenti ġodda, ‘Training Camps’, ‘Coaching Clinics’, skema ta’ Sostenn għall-Athleti Elite tal-Klabb, kif ukoll il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet ġodda sabiex l-atleti ta’ Pembroke jikkompetu f’meetings’ internazzjonali tal-atletika kemm barra mill-pajjiż kif ukoll f’Malta.Din is-sħubija fl-EAP Circuit, tippreżenta lil Pembroke Atleta kemm bid-dritt kif ukoll bl-obbligu li jospita ‘Meeting” internazzjonali tal-atletika, bl-ewwel wieħed mistenni jinżamm nhar is-Sibt 4 ta’ Mejju 2019. Is-sħubija tfisser ukoll li atleti ta’ Pembroke Atleta ser ikollhom l-opportunità li jkunu mistiedna sabiex jieħdu sehem f’meetings’ tal-atletika barra minn Malta.
Il-‘Meeting’ ta’ Mejju li ġej ser ikun miftuħ għal atleti membri tal-EAP (Maltin u Barranin), atleti oħra barranin li ma humiex membri tal-EAP, kif ukoll għall-atleti lokali kollha, kemm fil-kategorija tal-kbar kif ukoll tal-‘Youths’. Żgur li l-‘meeting’ ta’ Malta f’Mejju li ġej ser jgħin, fost l-oħrajn, lill-atleti Maltin li ser ikunu jiffurmaw parti mit-tim Malti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2019, u tista’ wkoll tkun l-ewwel tarġa għal atleti żgħażagħ li qed jaspiraw li jipparteċipaw f’dawn l-istess logħob li ser isiru f’Malta fl-2023.
Norman Saliba (Uffiċjal) u Steve Camilleri (Atleta), kienu preżenti waqt il-Kungress tal-EAP sabiex jippreżentaw il-proposta ta’ Pembroke Atleta għal din is-sħubija.