It-Tnejn filgħodu, f’jum Santa Marija, saret il-ħames edizzjoni tal-Pellegrinaġġ bil-Muturi.
Dan il-pellegrinaġġ beda mill-Imġarr u mar lejn Ħad-Dingli; żewġ paroċċi ddedikati lil Marija Assunta.
Il-festa ta’ Santa Marija f’dawn il-parroċċi tiġi ċċelebrata l-Ħadd ta’ wara l-ħmistax ta’ Awwissu.
Mijiet ta’ persuni nġabru quddiem il-Parroċċa tal-Imġarr, fejn il-muturi rħewlha wara vann, li fuqu kien hemm ritratt tal-istatwi ta’ Santa Marija taż-żewġ parroċċi.
Wieħed mill-organizzaturi, John Micallef tkellem ma’ ONE News dwar l-għan ta’ din l-attività.
Qal, “Il-pellegrinaġġ ilna nagħmluh issa għall-ħames darba, nitilqu mill-Imġarr, nagħmlu l-ġirja, ngħaddu minn Ħal Qormi u nibqgħu telgħin lejn Ħad-Dingli. Dan se jsir ġbir għal Hospice Movement, li ilna ma nagħmluh minħabba l-pandemija.”
Waqt dan il-pellegrinaġġ inġabru sitt mija u ħamsin ewro għal Hospice Malta.
Dawn il-flus se jmorru għal proġett ta’ kumpless li se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta, fejn pazjenti morda bil-kanċer u mard ieħor jingħataw kura paljattiva mingħajr ħlas u servizzi ta’ appoġġ lill-qraba.