Meta dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Jeremie Camilleri, li jinsab mixli bil-qtil tat-Torka Pelin Kaya, esperti qalu li mill-awtopsja rriżulta li l-vittma mietet kawża ta’ ħsara trawmatika f’moħħha u ġrieħi fl-iskutella ta’ rasha.
Il-mewt ta’ Pelin Kaya seħħet fit-18 ta’ Jannar li għadda fl-Imsida, meta Camilleri tajjarha bil-karozza.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, xehdu bosta persuni, fosthom dawk involuti fl-investigazzjonijiet.
Waħda mix-xhieda preżenti kienet omm l-akkużat, Clarisse Camilleri, li qalet li ma xtaqitx tixhed kontra binha.
Xhud ieħor kien Dr Godwin Sammut, li analizza l-kampjuni tad-demm u tal-awrina ta’ Jeremie Camilleri. Huwa qal li dawn ħarġu pożittivi għall-kokaina u għall-ħaxixa iżda negattivi għall-alkoħol.
Preżenti fl-awla kien hemm, fost oħrajn, oħt Pelin Kaya, Derya.