Beda x-xogħol sabiex ikunu installati 112-il pilastru taħt l-art sabiex ikun mibni pedament ġdid ta’ ‘Triq Għeriexem’ fir-Rabat. Dan wara snin twal ta’ struttura dgħajfa tat-triq li saħansitra kkawżat ħsarat fil-bini fl-inħawi.
B’investiment ta’ erba’ miljun ewro din it-triq ser tinbena mill-ġdid fuq pedamenti aktar b’saħħithom, b’karreġġjata b’allinjament aktar sigur, kif ukoll belvedere li jinkludi bankina ġdida, bankijiet li jħarsu fuq il-wied u żoni msebbħin b’ħafna siġar ġodda.
Dan ix-xogħol qed isir wara li r-residenti li jgħixu fl-inħawi kien ilhom ħafna snin jappellaw lill-awtoritajiet biex tittieħed azzjoni ħalli s-sisien ta’ din it-triq mal-ġenb ta’ Wied Għexierem ma jibqgħux iċedu u jikkaġunaw ħsarat kbar anki fi djarhom.
Din is-sistema ta’ pilastri qed tintuża wara stħarriġ minn arkeologi approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Il-Perit tal-Proġett, Corinne Dimech spjegat kif dawn il-pilastri ser ikunu qed jitiżżlu madwar tliet sulari taħt l-art.
Hija spjegat: “L-ewwel nett ser ikunu qiegħdin jagħtu sostenn lil ħajt li bħalissa jinsab fi stat dilapitat ħafna anke peressli jinkixef bħalissa u jinsab anke fuq tafal eżistenti allura l-istabbiltá tiegħu hija relatata ħafna. Barra minn hekk il-‘piles’ ser ikunu wkoll qed joffru bażi għall-promenad il-ġdida li ħa tkun qed tiġi ffurmata fl-aħħar tal-proġett u titgawda mill-pubbliku in ġenerali.”
Hija spjegat ukoll kif ser ikunu mibdula bosta servizzi bħall-ilma u drenaġġ wara snin li dawn qatt ma ntmessew minħabba l-biża’ li t-triq ma tiflaħx għax-xogħol.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg żar il-lant tax-xogħol u stqarr li dan il-proġett huwa wieħed mixtieq mir-Rabtin u li jara promenade sħiħa mad-dawra tal-Wied. Spjega iżda li l-importanza ta’ dan il-proġett ma ddurx biss mat-tisbiħ li se jingħata lil akwata iżda wkoll mas-sigurtá li ser toffri din it-triq ġdida għal dawk kollha li għandhom id-dar tagħhom tmiss ma’ din it-triq.
Il-Ministru Borg spjega kif saru żjarat fid-djar tan-nies biex tkun evalwata s-sitwazzjoni qabel isir ix-xogħol.
Dan aċċennat dwaru wkoll il-perit tal-proġett: “Il-Perit tal-kuntrattur ħadu ħsieb li ovvjament jagħmlu visits, fl-istrutturi, fir-residenzi li jagħtu għal fuq din it-triq, biex kemm jista’ jkunu nkunu nafu daqsxejn ukoll u nikkwantifikaw xi tip ta’ ħsarat li hemm ‘at this point’ qabel nibdew ix-xogħlijiet u jekk ħa jkun qed jiġi affetwat il-bini bix-xogħol li jkun għaddej min-naħa tagħna wkoll.”