It-Times irrappurtat li l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Pawlu Borg Olivier qed jokkupa illegalment proprjetà fil-Belt.
Fit-Times intqal li dan ħareġ minn rapport t’awditjar intern tal-Awtorità tal-Artijiet.
It-Times qalet li l-Avukat Borg Olivier u martu marru joqogħdu fi proprjetà fi Triq l-Ifran il-Belt wara li qraba tal-koppja, li l-proprjetà inkwistjoni kienet mikrija lilhom, mietu.
Borg Olivier qatt ma kien irritorna ċ-ċwievet ta’ din id-dar tal-Gvern minkejja li qabel kien qal li se jkun qed jagħmel dan.
It-Times irrappurtat dwar sensiela ta’ korrispondenza bejn l-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista ta’ żmien GonziPN u l-Awtorità tal-Artijiet.
Mat-Times, Borg Olivier, li mhux darba jew tnejn deher f’dak li jorganizzaw tar-Repubblika u l-Occupy Justice jitħambaq fuq is-saltna tad-dritt u l-governanza, qal li l-kwistjoni hija waħda legali.
Madankollu t-Times qalet li r-rapport tal-Awtorità tal-Artijiet juri li Pawlu Borg Olivier okkupa dar għal snin sħaħ mingħajr ma għandu titlu legali għaliha.