L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Pawlu Borg Olivier hu fost numru ta’ avukati u prokuraturi legali li qed jappellaw għal proċess inqas strett marbut mal-ħruġ tal-permessi tax-xogħol għal persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi.
Fi stqarrija, li ntbagħtet lill-kmamar tal-aħbarijiet lokali, ingħad kif ċittadini ta’ pajjiżi mhux mill-Unjoni Ewropea, li japplikaw għal permess ta’ xogħol biex jaħdmu f’pajjiżna waqt li jkunu għadhom jgħixu barra, tinħarġilhom ittra magħrufa bħala ‘Approval in Principle’.
Din tkun valida għal 180 jum fejn f’dan il-perjodu, tali persuni jridu jippreżentaw lilhom infushom għand l-aġenzija Identità biex ikunu jistgħu jiffinalizzaw il-proċess tal-permess tax-xogħol.
Madankollu hawn ġie nnotat kif numru minn dawn il-persuni mhux jilħqu jżommu mal-perjodu ta’ 180 jum biex jiġu f’pajjiżna, għax mhumiex qed jirċievu l-viża tagħhom f’ħin adegwat mill-awtoritajiet tal-pajjiż fejn jirrisjedu.
B’hekk tiskadi l-ittra tal-‘Approval in Principle’.
Fil-fatt, dawn l-avukati u l-prokuraturi legali, bl-eks Segretarju Ġenerali ta’ GonziPN wieħed minnhom, qed jitolbu li l-politika adottata mill-aġenzija Identità tinbidel għal waħda inqas stretta.
Fi kliem ieħor, biex jekk anke jiskadi l-perjodu ta’ 180 jum li fih tkun tista’ tiġi aċċettata l-ittra tal-‘Approval in Principle’, din tiġi aċċettata xorta waħda u b’hekk ikompli jiġi ffinalizzat il-proċess tal-permess tax-xogħol biex dawn il-persuni jibdew jaħdmu f’pajjiżna.
Sadanittant l-istess grupp, bħalma għamel il-Gvern ukoll fl-aħħar jiem anke b’appelli mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu, ikkundanna l-prattika li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinġiebu Malta taħt pretensjonijiet foloz jew kwalunkwe forma ta’ sfruttament.
Fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern Malti impenja ruħu li jindirizza oqsma tax-xogħol b’numri ta’ ħaddiema fihom aktar milli hemm bżonn.
Fil-fatt, tħabbar kif mhux se jibqgħu jiġu aċċettati applikazzjonijiet ġodda għal permessi tax-xogħol lil ħaddiema tal-Y Plates u bħala food couriers.
Dan abbażi ta’ reviżjoni estensiva tas-suq tax-xogħol, inkluża l-analiżi tar-reġistri tal-qgħad u l-postijiet battala ta’ min iħaddem mill-aġenzija Jobsplus.
Minbarra hekk, il-Gvern introduċa u implimenta liġi ġdida li tirregola l-aġenziji li jġibu lill-ħaddiema barranin biex jaħdmu f’pajjiżna, magħrufa bħala temping agencies. Liġi li, permezz tagħha, jista’ jiġi assigurat li l-ħaddiema barranin ikunu f’xogħlijiet li hemm nuqqas ta’ ħaddiema fihom, fost oħrajn.