Pazjenti li għadhom kif irċievew dijanjożi ta’ kanċer bdew jirċievu t-tilqima għal kontra l-Covid-19 qabel jibdew it-trattament ta’ kimoterapija jew raġġi.
Dan spjegah iċ-chairman taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, Dr Nick Refalo, f’intervista ma’ ONE News.
Huwa stqarr li t-tilqima ser tingħata qabel dawn jibdew jirċievu t-trattament hekk kif is-sistema immunitarja ta’ dawn il-pazjenti tkun għadha mhux mittiefsa u għaldaqstant il-vaċċin ikun effettiv.
Qal kif, “Dawn it-trattamenti jistgħu jaffettwaw is-sistema immunitarja tagħhom allura ma jkollhomx biex jiġġieldu effettivament kontra l-infezzjonijiet. Allura jekk dawn in-nies waqt li qed jieħdu l-kimoterapija, jieħdu wkoll il-Covid jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji ħafna. Allura idealment dawn in-nies kollha jieħdu t-tilqima biex għall-inqas ikollhom forma ta’ protezzjoni. Ir-raġuni li nibdew, li għażilna li nibdew b’pazjenti li għadhom ma bdewx il-kimoterapija għax is-sistema immunitarja tagħhom tkun għadha tajba.”
Minkejja dan, dawk il-pazjenti li diġà bdew it-trattament tagħhom xorta waħda se jkunu qed jirċievu t-tilqima iżda l-perjodu għalihom ser ikun kalkulat b’tali mod li t-tilqima tkun tista’ tħalli l-effett mixtieq tagħha.
Qal, “Dawk ukoll ħa jieħdu t-tilqima però t-timing irid ikun, għax kif għidna, meta inti tieħu l-kimoterapija ċ-ċelloli bojod jistgħu jitnaqqsu allura imbagħad inti ma jkollokx reazzjoni tajba għat-tilqima, it-tilqima ma tkunx effettiva. Allura dawn trid tagħmel daqsxejn timing biex tara meta ħa tagħtihulhom eżatt, idealment qabel cycle ieħor ta’ kimoterapija.”
Il-pazjenti bdew jingħataw it-tilqima mill-jum tal-Erbgħa u jidher li kollox mexa kif kien mistenni.
Qal kif, “S’issa ma kellniex problemi. Jien naf li ħa nagħmlu erbatax u eventwalment jiġu kważi tletin kuljum għax dawn ħa jieħdu t-tieni tilqima wkoll, u dak li ħa nagħmlu hawnhekk imbagħad kif għidna, aħna rridu nagħtu jew noffru t-tilqima lil prattikament lill-pazjenti kollha.”
Iċ-chairman taċ-Ċentru tal-Onkoloġija kellu messaġġ wieħed x’jibgħat lill-pubbliku u b’mod speċjali lil dawk l-aktar vulnerabbli fostna li forsi għadhom kemxejn xettiċi fuq it-tilqima.
Qal, “Kieku nibża aktar mill-virus milli mit-tilqima għax il-virus speċjalment jekk inti m’għandekx biex tiġġielidlu għax tkun ħadt il-kura, naħseb huwa ħafna iktar ta’ biża’ mit-tilqima.”
Dr Refalo temm jgħidilna li bħalissa hemm sens ta’ entużjażmu qalb il-pazjenti li qegħdin f’battalja mal-kanċer sabiex jieħdu t-tilqima.