Il-Kura għas-Saħħa Primarja estendew is-servizzi tagħhom fil-komunità għall-pazjenti li jkunu fiequ mill-kanċer u minn żmien għal żmien ikollhom bżonn testijiet ta’ sorveljanza għall-prevenzjoni tar-rikorrenza tal-kanċer.
Sa issa dan is-servizz qed jiġi offrut lill-pazjenti li fil-passat kellhom kanċer fil-prostata u fit-thyroid.
Fi żjara fil-klinika tal-komunità ta’ Ħ’Attard, fejn qed jaħdem dan is-servizz imsejjaħ Cancer Survivorship Clinic, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ltaqa’ ma’ uħud mill-pazjenti li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz.
Sa issa, hemm sebgħa u tmenin pazjent li qed jużaw dan is-servizz.
It-tabib JP Tabone qed imexxi dawn il-kliniċi, u spjega aktar dwar is-servizz.
Qal, “Primary Health Care qed jiżviluppaw servizz ġdid għal dawk il-pazjenti li fil-passat kellhom il-cancer u issa għaddielhom, fiequ, però xorta jkollhom bżonn ftit follow up darba f’sena jew darbtejn f’sena ta’ xi test, jew test tad-demm, jew x-ray, biex inkunu ċerti li jibqgħu cancer free.”
Il-pazjenti jiġu riferuti mill-konsulenti, kirurgi jew onkologi tagħhom għal dan is-servizz.
Meta jmorru għall-appuntament, it-tobba tal-Kura Primarja li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam, jinvistawhom b’mod ħolistiku biex jiġu indirizzati anki kwistjonijiet mediċi oħra li ma jkunux neċessarjament relatati mal-kanċer.
Stqarr, “Dan is-servizz jingħata fil-komunità, għandna clinic darba f’ġimgħa wieħed fil-Punent u clinic fin-Nofsinhar ta’ Malta. Il-pazjenti jiġu riferuti mill-professjonisti tagħhom u aħna narawhom ħolistikament bħala tobba tal-familja.”
Il-ħsieb hu li s-servizz jespandi għal tipi oħra ta’ kanċer fil-futur qrib.