Din is-sena, pazjenti bil-kanċer tal-prostata bdew jirċievu radjoterapija minn magna avvanzata fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Il-magna, li tuża teknoloġija tal-MR Linac, kapaċi twassal kura direttament fl-organu affettwat u, bi preċiżjoni millimetrika, tamministra raġġi u, b’hekk, tillimita anke l-ħsara fuq l-organi l-oħrajn tal-ġisem.
Fost tal-ewwel, li użaw din it-teknoloġija ġdida li hi tal-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna, kien hemm tliet pazjenti li jbatu bil-kanċer tal-prostata, li hi forma aggressiva li tolqot l-aktar lill-irġiel.
B’hekk s’issa, ħmistax-il persuna s’issa bdew igawdu minn din it-teknoloġija ġdida.
Dwar dan tkellimna mal-Kap tad-Dipartiment tal-Onkoloġija, Dr Nick Refalo, li spjega li din il-magna tar-raġġi tgħaqqad mal-magna tal-MRI, allura tagħti stampa aktar ċara fejn jinsab it-tumur.
Iżda mhux biss.
“Din il-magna toffri vantaġġi, għax il-pjan jiġi addattat kuljum, fis-sens ġeneralment ikun hemm pjan ta’ raġġi u ssir il-kura fuq dan il-pjan. Mentri fuq din il-magna, il-pjan kuljum, meta tiġi għar-raġġi, il-pjan jiġi mibdul kemm jista’ jkun, skont il-movimenti li jkunu saru, per eżempju, jekk it-tumur ikunx ċkien, allura l-volum jista’ jiċkien ukoll.”
Nick Refalo – Kap, Dipartiment tal-Onkoloġija
Dr Refalo spjega wkoll li din il-magna tagħti viżwal eżatt ta’ fejn hu t-tumur tal-persuna u fejn qed jingħataw ir-raġġi, li tgħin biex persuni jingħatalhom mediċina fejn verament ikun hemm bżonn biex jonqsu l-kumplikazzjonijiet.
Minkejja din il-magna l-ġdida, il-Kap tad-Dipartiment tal-Onkoloġija fakkar li l-magni l-oħrajn huma xorta eċċezzjonali.
“L-MR Linac għandu vantaġġi f’ċerti areas, meta eżempju għandek bżonn l-MRI biex tara t-tumur, jew fejn għandek ħafna ċaqliq ta’ organi, eżempju fejn għandek il-musrana ż-żgħira. F’ċerti postijiet oħrajn il-vantaġġ jintilef. Eżempju meta għandek tumur kbir, il-vantaġġ tal-MR Linac mhux se jinħass. Jew jekk għandek tumur li ma tantx tista’ taqbdu bl-MRI, allura terġa’ hemmhekk m’għandekx vantaġġ minnu. Ukoll jekk il-pazjent ibati mill-għeluq.”
Nick Refalo – Kap, Dipartiment tal-Onkoloġija
Hu anke spjega d-differenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dewmien ta’ kura, għax l-MR Linac għandek ħin itwal ta’ kura – però għandha wkoll vantaġġi.
“Fejn fuq il-magni l-oħrajn il-kura hi fuq tliet minuti, ħames minuti, fuq din il-magna iddum. Anke minn meta tidħol fuq il-magna sakemm toħroġ għandek tliet kwarti, allura fih aktar skariġġ. Però għandha l-vantaġġ, li ġeneralment ikollok tiġi inqas drabi. Pereżempju fuq ir-raġġi tal-prostata, fil-preżent, fuq il-magni konvenzjonali tiġi għoxrin darba, għal xahar, mentri fuq l-MR Linac tiġi ħames darbiet.”
Nick Refalo – Kap, Dipartiment tal-Onkoloġija
Il-kanċer tal-prostata hi relattivament komuni f’pajjiżna, kif spjega l-Kap tad-Dipartiment tal-Onkoloġija, waqt li ħeġġeġ lill-irġiel kollha li, jekk jinnotaw xi problema relatata mas-sistema urinarja, għandhom minnufih jirrikorru għal parir mediku.
“Aħna għandna xogħol diffiċli biex nipprovaw nikkumbattu l-kanċer. Aktar ma jkollna każi fi stadju bikri, aktar aħjar għalina u r-riżultati jkunu aħjar, it-trattamenti ġeneralment ikunu sempliċi … jiġifieri dak hu essenzjali.”
Nick Refalo – Kap, Dipartiment tal-Onkoloġija