Tabiba tal-għajnejn xerrdet filmat li spiċċa dar id-dinja. Fih, tneħħi xejn inqas minn 23 contact lens minn għajn pazjenta.
Dr Katerina Kurteeva poġġiet il-filmat fuq Instagram, fejn tidher tneħħi dawn il-lenses kollha. Skont l-oftalmologa, il-pazjenta daħħlet sett ġdid ta’ lenses għal 23 jum infila, mingħajr qatt ma ħarġet il-lens tal-ġurnata ta’ qabel.
Waqt li poġġiet il-filmat fuq il-paġna Instagram tal-California Eye Associates, kitbet: “okkażjoni rari meta xi ħadd ‘nesa’ ineħħi l-contact lenses bil-lejl u baqa’ jdaħħal waħda ġdida kull filgħodu…23 jum wara xulxin! Kelli noħroġhom ilbieraħ fil-klinika tiegħi.”
Kitbet li l-proċedura biex isseparathom kollha kienet delikata ħafna, għax kienu inkollati flimkien. Tant hu hekk li kellha tuża apparat apposta, li normalment jintuża fl-industrija tal-ġojjelli. Żiedet tgħid li f’20 sena ta’ prattika, qatt ma rat xi ħaġa simili. Il-pazjenta lanqas setgħat temmen u staqsiet kemm il-darba jekk l-oftalmologa kinitx ċerta dwar in-numru li nsiet f’għajnejha stess.
L-istorja għandha tmiem pożittiv, hekk kif ħafna nies jinsabu aktar konxji tal-perikolu li jista’ jwassal nuqqas ta’ kawtela fejn jidħlu l-għajnejn, u il-pazjenta marret id-dar tħossha “ferm aħjar”.
Dan huwa ritratt meħud mill-filmat li ppubblikat l-oftalmologa.