Minn din il-ġimgħa, kull pazjent Malti u Għawdxi seta’ jagħti aċċess immedjat lil tabib tal-għażla tiegħu, għall-istorja medika, permezz tal-portal online, MyHealth.
Dan hekk kif sa ftit tal-jiem ilu, meta pazjent xtaq jaqsam l-informazzjoni medika tiegħu mat-tabib, ried jimla’ formola elettronika li kienet tieħu numru ta’ sigħat biex tkun ipproċessata, u mbagħad jingħata l-aċċess lil tabib fil-privat.
Issa, dan il-proċess spiċċa, u ġaladarba ż-żewġ partijiet jiffirmaw dikjarazzjoni online flimkien, l-aċċess jingħata mill-ewwel.
ONE News tkellem maċ-Chief Information Officer tal-Ministeru tas-Saħħa, Euchar Sultana, li spjegalna dwar din l-aktar funzjoni riċenti.
Qal, “Issa b’din il-funzjoni, il-pazjent meta jmur l-ewwel darba għand konsulent, speċjalista jew tabib tal-għażla tiegħu, dak il-ħin stess, it-tabib u l-pazjent jistgħu jiffirmaw b’mod elettroniku formola u kif tiġi sottomessa, l-informazzjoni tkun aċċessibbli b’mod immedjat għall-ispeċjalista, u b’hekk ovvjament, il-pazjent u t-tabib ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jistennew biex l-informazzjoni medika tal-pazjent tkun aċċessibbli.”
Din hija waħda minn diversi funzjonijiet ġodda fuq din il-pjattaforma, fejn pazjent jista’ jaċċessa l-informazzjoni medika tiegħu fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, kemm minn fuq kompjuters u anki minn fuq il-mobile.
MyHealth hija aċċessibbli bil-Malti u bl-Ingliż, u hija servizz li l-Ministeru tas-Saħħa jagħti b’xejn.
Fuq din il-pjattaforma, wieħed jista’ jara l-appuntamenti mediċi li jkollu, riżultati tad-demm, rapporti ta’ testijiet bħal X-Rays u CT Scans, u vaċċini li jkun ħa tul ħajtu, fost servizzi oħrajn.
Ix-xogħol fuq din il-pjattaforma huwa kontinwu, u fil-fatt, Euchar Sultana qalilna li se jkun hemm diversi funzjonijiet ġodda li se jkunu aċċessibbli fiż-żmien li ġej.
Qal, “Fil-ġimgħat li ġejjin, qegħdin naħdmu biex inniedu fejn l-informazzjoni medika tat-tfal tkun aċċessibbli anki għall-ġenituri. Qed naħdmu wkoll biex meta xi ħadd imur jieħu X-Ray jew CT Scan, it-tabib u l-pazjent ikun jista’ jara wkoll l-image għax illum il-pazjent u t-tabib jistgħu jaraw ir-rapport li jkun ħareġ wara li jkun ittieħed it-test, issa qed naħdmu biex l-image ukoll tkun aċċessibbli online. Qed naħdmu wkoll fuq funzjonijiet oħra li fil-ġimgħat li ġejjin inkunu nistgħu nispjegaw f’iktar dettall.”
Kull min għandu e-ID jista’ jaċċessa s-sit MyHealth.
Huwa stmat li kuljum, aktar minn elfejn u ħames mitt ċittadin Malti jaċċesssa din il-pjattaforma, flimkien ma’ aktar minn disa’ mitt tabib fil-privat li wkoll għandhom aċċess għaliha.