Wara talba indirizzata lill-pubbliku ta’ omm pazjent ċkejken ta’ 10 snin, li bħalissa jinsab jiġġieled kontra l-kanċer fir-Rainbow Ward fl-isptar Mater Dei, biex jibgħatu kartolina tal-Milied lit-tifel tagħha, il-poplu Malti rrisponda bi kbir, kif imdorri jagħmel.
Dan hekk kif Giacomo Cassar irċieva għexieren ta’ kartolini li mhux biss poġġew tbissima kbira fuq fomm dan it-tifel gustuż iżda saħansitra poġġew ftit tama f’qalb dawk li jsegwu l-istorja tiegħu b’tant ħerqa.
Kien it-18 ta’ Diċembru meta omm Giacomo kitbet messaġġ dwar kif it-tifel tagħha. Qalet li meta mistoqsi x’jixtieq għall-Milied, ir-risposta tiegħu dejjem kienet tkun “xejn… kull ma rrid hu li nirritorna lura d-dar”. Hija ftakret f’kemm jieħu gost jirċievi kartolinili u ġietha l-idea li titlob lill-pubbliku biex min irid,’ jibgħat kartolina tal-Milied lil Giacomo sabiex joħolqulu tbissima.
Għaddew biss ftit jiem, erbat ijiem biex inkunu eżatti, u bosta laqgħu din it-talba b’idejn miftuħa hekk kif omm Giacomo poġġiet ritratti tat-tifel tagħha ferħan se jtir b’għexieren ta’ kartolini li hu rcieva mingħand persuni li jħaddnu l-ispirtu tal-Milied.
Għal kull min jixtieq li jibgħat ittra lil Giacomo għal żmien il-Milied jista’ billi jindirizza l-kartolina tiegħu lil: Rainbow Ward, level -1 Sir Anthony Mamo Oncology Centre, Msida