Il-pulizija spjegat li pazjent weġġa’ ħafif erba’ infermiera fl-isptar Mater Dei wara li kien aggressiv magħhom minħabba kundizzjoni medika li għandu.
Fi stqarrija l-Korp tal-Pulizija spjega li nhar is-Sibt li għadda l-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit kienu msejħa sabiex jassistu care workers u anke tim mediku ġewwa residenza f’Raħal Ġdid, minħabba li wieħed mir-residenti kien aggressiv fil-konfront tagħhom.
Wara li ġie kkontrollat, ir-raġel ittieħed l-isptar Mater Dei skortat mill-pulizija.
Ir-raġel ma kienx taħt arrest u għalhekk wara li ġie kkontrollat u s-sitwazzjoni kienet stabbli, il-pulizija telqet iżda mbagħad reġa’ beda jkun aggressiv u l-pulizija rritornat f’Mater Dei.
Taw l-assistenza wkoll l-uffiċjali tas-sigurtà tal-isptar u anki l-pulizija stazzjonati fid-Dipartiment tal-Emerġenza, fejn ir-raġel ġie mwaqqaf.
Ritratt: Calleja