Id-dwal ikkuluriti u tiżjin ieħor, spiss jintużaw biex idaħħlu lin-nies fl-atmosfera tal-Milied.
F’dar f’Bormla ltqajna ma’ Pawlu Zammit, li ilu jagħmel il-fanali tal-Milied sa minn ċkunitu.
Meta staqsejnieh kif bdiet din in-namra, qalilna li beda ma’ missieru, li dejjem kien jarma d-dar skont il-festa li tkun ġejja.
Spjegalna kif il-fanali huma uniċi u magħmulin minn materjal riċiklat fosthom il-kartun u plastik tal-files.
Spjega wkoll kif il-proċess jibda mill-kartun irqiq li jinqata’ b’xafra fina, imbagħad jintuża plastik riċiklat ikkulurit biex joħloq dawn il-fanali meraviljużi.
Pawlu Zammit saħaq kif ix-xogħol jirrikjedi preċiżjoni assoluta, li tgħallem jipperfezzjona maż-żminijiet bħala mastrudaxxa.
Tenna kif dan it-tip ta’ xogħol jirrikjedi immaġinazzjoni u kreattività u ħeġġeġ lil kull familja tipprova toħloq xi ħaġa simili.
“Li tagħmel inti, per eżempju tagħmel xi gallarija, it-twieqi, il-purtelli tagħha b’dan it-tip ta’ disinji, ara xi ġmiel jew inkella xi spy window hekk f’xi bieb tagħmilha dan id-disinn xi ġmiel ikollok.”
Il-messaġġ li xtaq jagħlaq bih is-Sur Zammit hu li minflok wieħed jixtrihom minn fuq l-ixkaffa biex jeħles, huwa iktar xieraq li wieħed jagħmilhom hu jew mal-familja, u l-isbaħ ħaġa hi li dawn il-fanali jitgawdew frott ħin ta’ kwalità u l-kreattività tal-individwi.