Dalgħodu quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien is-Sindku Pawlu Farrugia għadda ittra ta’ impenn lill-Arċipriet ta’ Ħal Tarxien Christopher Ellul bħala għajuna finanzjarja biex isir il-proġett ta’ tisbiħ taz-zuntier u l-pjazza.
Se jsir pavimentar ġdid fil-pjazza kif ukoll mad-dawra kollha biex jikkumplimenta xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru fil-faċċati tal-knisja, jitranġa t-taraġ fil-partijiet fejn huma mkissra filwaqt li jsir pavimentar ġdid fuq iz-zuntier ukoll. Il-Knisja Tarxieniża għandha storja ta’ madwar 400 sena, u x-xogħlijiet li ser isiru se jkun jikkumplimentaw dak li missirijietna ħadmu għalih.
Il-Ministru għall-infrastruttura, Ian Borg, qal li apparti x-xogħol li se jibda f’Ħal Tarxien, għaddej xogħol simili fil-pjazzez taż-Żejtun kif ukoll il-Mellieħa. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru għaliex, kif spejga l-Ministru Borg, iz-znieter huma postijiet li fihom jiltaqgħu n-nies filwaqt li jitgawdew mill-komunitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Silvio Parnis, qal li bir-riforma l-ġdida tar-reġjuni, se jwassal biex ir-reġjuni jkunu jistgħu jiltaqgħu mal-istakeholders biex isiru aktar proġetti fl-irħula Maltin u Għawdxin. Huwa semma wkoll kif se ssir it-triq ta’ wara l-Knsija, xogħol li se jsir minn Infrastruttura Malta.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar, Chris Agius, qal li l-proġett tal-lum huwa frott is-sinerġija bejn il-gvern u l-kunsilli lokali. Il-proġett tal-pjazza ta’ Ħal Tarxien ilu mixtieq għal snin u li issa dan ir-raħal ser ikollu pjazza li tixraqlu.