Fil-Qorti kompla jinstema’ l-każ kontra Abner Aquilina, li qed jiġi akkużat li, fil-bidu ta’ din is-sena, stupra u qatel lil Paulina Dembska f’Ta’ Sliema.
Fil-Qorti ntqal li l-kawża tal-mewt tagħha kienet li Aquilina, allegatament, kisrilha għonqha.
Il-Ġimgħa ta x-xhieda tiegħu il-patologu Mario Scerri, li eżamina l-katavru ta’ Dembska. Huwa qal li l-vjolenza li sofriet Dembska kienet estrema.
Qal li, meta kien qed jeżamina l-katavru, sab qatgħa kbira f’għonq il-vittma li kienu kkawżati b’saħħa kbira hekk kif ġiet mgħallqa minn xalla li kienet liebsa.
Huwa ddeskriva kif il-katavru ta’ Dembska nstab mal-art bla ħwejjeġ, bis-saqajn miftuħin. Tkellem ukoll fuq biċċiet tax-xagħar li nstabu viċin il-katavru, u fuq kif hija ġiet stuprata waqt dan l-attakk.
Spjega kif waqt dan l-attakk atroċi, Dembska baqgħat ħajja tissielet u probabbilment kienet taf li se tmut.
Scerri tkellem ukoll fuq l-akkużat, u stqarr kif meta huwa ra lil Aquilina, induna mill-ewwel li kien qiegħed taħt l-effet tal-psikożi.
Aktar kmieni din is-sena, l-imputat ġie eżaminat minn psikjatri, li qalu li fil-ħin tar-reat huwa kien fi stat ta’ ġenn. Minkejja dan, grupp ta’ psikjatri oħra kienu eżaminaw jekk Aquilina kienx fi stat li jgħaddi ġuri, u dawn qalu li huwa kapaċi.
Fil-Qorti l-Ġimgħa xehed ukoll il-kuntistabbli William Grech li, fost l-oħrajn, kien għassa mal-imputat. Huwa qal li Aquilina allegatament qal li huwa suldat fl-armata tal-anġli tal-Mulej u li kien se joqtol aktar nies għax l-ewwel kien qatel waħda.
Lejn l-aħħar tas-seduta, Abner Aquilina intervjena meta kienet qed titkellem il-Maġistrat, u staqsa jekk setax jitkellem. Meta l-avukat tiegħu qallu li ma jistax jitkellem f’dan l-istadju, huwa interrompa għat-tieni darba, u mat-tielet darba, qal lill-Maġistrat li deheritlu l-Madonna ta’ Lourdes.
Il-każ ġie ddifferit għall-14 ta’ Novembru.