Is-sitwazzjoni bejn Birkirkara FC u Paul Zammit kompliet tieħu xejra oħra fl-aħħar jiem wara li l-stess Birkirkara ħatru lil ex-Liverpool John Arne Riise bħala d-direttur sportiv tal-klabb.
Minn informazzjoni li għandu one.com.mt, jidher li Zammit intlagħab mit-tmexxija ta’ Birkirkara FC sabiex ikun Riise li jibda jmexxi s-sessjonijiet ta’ taħriġ u mhux iżjed hu. Dan ikkonfermah il-President tal-istess Birkirkara Frank Zarb dalgħodu f’kuntatt li għamel ONE Sport. Zarb sostna li nhar il-ġimgħa iltaqa’ ma’ Zammit biż-żewġ partijiet ma qablux u għalhekk ġie deċiż li Zammit għalissa jkun skużat milli jattendi għas-sessjonijiet ta’ taħriġ.
Fl-aħħar jiem Birkirkara FC kienu attivi ferm fis-suq tat-trasferimenti bil-President Frank Zarb, id-direttur tekniku Michael Valencia u t-tim manager Jeffrey Farrugia jaħdmu bis-sħiħ biex ikomplu jsaħħu lit-tim b’diversi akkwisti.
Nifhmu li n-negozjati bejn Zammit u t-tmexxija ta’ Birkirkara FC għadhom għaddejjin sabiex jintlaħaq ftehim u tiġi riżolta darba għal dejjem il-problema li ilha tkarkar għal dawn l-aħħar ġimgħat.